Ftit taż-żmien ieħor, Daryl Azzopardi se jkun qed jirrappreżenta lil Malta fil-konkors ta’ Mister World. Hu ntgħażel bħala r-rappreżentant Malti f’konkors li sar is-sena l-oħra minn Modelle International. Daryl tkellem magħna biex jaqsam ftit ħsibijiet dwar dan il-konkors, kif ukoll jistqarr dwar kif kien qed jipprepara u jħejji ruħu bħala l-ambaxxatur ta’ Malta għal dan il-konkors li se jkun qed jittella’ f’Manila fil-Filippini.

Ritratt: Bernard Polidano

Daryl, fit-23 ta’ Awwissu f’Manila fil-Filippini se tkun tirrappreżenta lil Malta fl-10 edizzjoni fil-konkors Mister World. Intgħażilt is-sena l-oħra biex tieħu sehem f’dan il-konkors li jsir kull sentejn. X’kien li ħeġġek li tidħol għal din il-kompetizzjoni?

Dan il-konkors ma kienx l-ewwel darba li ħadt sehem fih u ħassejt li wara li kelli biżżejjed esperjenza fil-qasam tal-immudellar, ridt li nerġa’ nesperjenza dan il-konkors biex ikolli l-opportunità li nimmudella barra minn Malta. Apparti minn hekk, ridt li nisfida lili nnifsi mentalment u fiżikament biex nkun l-aħjar verżjoni bħala ambaxxatur ta’ Malta.

Kemm kont konvint li se tirbaħ din il-kompetizzjoni?

Jiena nemmen li kull kontestant kellu ċ-ċans biex jirbaħ u għalhekk matul il-kompetizzjoni dejjem żammejt pożittiv, kunfidenti u umli li nemmen li huma l-elementi li jkunu qegħdin ifittxu l-ġurija f’rebbieħ.

Ritratt: Bernard Polidano

Minn mindu rbaħt id-dritt li tirrappreżenta lil Malta fil-Mister World, kif bdejt tħejji ruħek għal din il-kompetizzjoni?

Mindu rbaħt, l-ewwel ħaġa li għamilt kienet riċerka fuq il-Filippini li tinkludi l-kultura tagħhom, it-tradizzjonijiet u l-gżejjer. Apparti minn hekk sfidajt ruħi għal aktar trejning intensiv li huma addattati għal avvenimenti li se jkollna f’dan il-konkors.

X’kienu l-ikbar sfidi li ffaċċjajt tul dan iż-żmien ta’ preparazzjoni?

Xi ftit jgħidu li tkun id-dieta għal konkorsi bħal dawn. Imma fil-każ tiegħi din hi rutina ta’ kuljum. Aktar minn hekk l-aktar sfidi li nsib huma biex insib ħin għal kollox, minn karriera, studju u trejning għalkemm nemmen li jekk vera trid tistinka għal dak li trid, issib mod kif tqassam il-ħin.

Għalkemm dan huwa konkors tas-sbuħija naħseb li l-ġurija tkun qiegħda tfittex il-pakkett kollu li huma l-kunfidenza, il-personalità, id-dehra u l-ambizzjonijiet. Aktar minn hekk il-ġurija tara kif il-kontestanti jaġixxu ma’ oħrajn u x’influenza pożittiva jħallu fuq ħaddieħor.

Ritratt: Bernard Polidano

Fil-ħajja ta’ kuljum, x’inhi r-rutina biex tieħu ħsieb id-dehra tiegħek?

Ilni nittrenja l-ġimm seba’ snin u peress li jien konxju fuq is-saħħa, għal dawn l-aħħar tmien xhur irnexxili naddatta għal dieta veġeterjana għax nemmen li hemm benefiċċji għal saħħti u l-ambjent ta’ madwarna. Meta nagħmel ġimm niffoka ħafna fuq weight training għal erba’ darbiet fil-ġimgħa u darba fil-ġimgħa logħba futbol biex intejjeb l-istamina.

Kif tiddeskrivi lilek innifsek fil-ħajja ta’ kuljum?

Jien narani bniedem ambizzjuż, qatt ma naqta’ qalbi meta jkun hemm żminijiet diffiċli u li dejjem ikolli għan kif se ntejjeb lili nnifsi mill-ġurnata ta’ qabel. L-iktar ħaġa important għalija hi li nasal fejn nasal dejjem żammejt saqajja mal-art u ma nħallix is-suċċess li jkolli jifred lil dawk ta’ madwari.

Ritratt: Bernard Polidano

Kif dħalt fil-qasam tal-immudellar?

Ħabib tiegħi li kien ħa sehem f’dan il-konkors snin ilu ra potenzjal fija u ħajjarni biex nipparteċipa għall-ewwel darba li ħadt sehem f’dan il-konkors. Għall-bidu ma kellix il-kunfidenza li għandi issa, imma bis-saħħa tal-immudellar irnexxili negħleb il-mistħija mhux biss fuq il-palk imma wkoll fil-ħajja ta’ kuljum.

Fejn kont qed taspira li tasal meta bdejt f’dan il-qasam?

Għalkemm dan il-qasam huwa xi ħaġa li nħobb, għalija dan hu sempliċi passatemp, mezz biex nagħmel ħbieb ġodda u naqsam esperjenzi differenti ma’ oħrajn għaliex l-għan ewlieni tiegħi hu li nibqa’ nikber fil-karriera tiegħi ta’ accountant.

Apparti l-immudellar, x’inhuma l-affarijiet l-oħra li jinteressawk fil-ħajja? Nħobb nkun ħafna fin-natura, ngħum fis-sajf u nimxi fil-kampanja fix-xitwa. Aktar minn hekk nħobb insiefer pajjiżi differenti biex nesplora u nitgħallem affarijiet ġodda. Dawn l-aħħar ftit xhur interessajt ruħi f’passatemp ġdid, il-game development għaliex hi professjoni li toħloq dak li qed timmaġina u toħroġ il-kreattività.

Ritratt: Bernard Polidano

Issa li qed joqrob iż-żmien tal-kompetizzjoni, x’inhuma l-aspettativi tiegħek mill-konkors ta’ Mister World?

Minn dan il-konkors se nesperjenza l-ewwel darba pajjiż barra mill-Ewropa u mmur fl-Asja. Għalija din hi opportunità biex nitgħallem kulturi differenti minn kontestanti ġejjin minn pajjiżi differenti. Minn dan il-konkors se nitgħallem il-proġetti volontorjati li tagħmel din l-orġanizzazzjoni.

Wara li tgħaddi din il-kompetizzjoni, x’inhuma l-miri tiegħek fi-ħajja u fil-karriera tiegħek?

Bħalissa qed nimmira li nkompli navvanza fil-karriera ta’ accountant, nibni futur mat-tfajla u ndur id-dinja. Għalkemm dawn huma l-miri li semmejt, jiena nieħu l-ġurnata daqslikieku kienet tal-aħħar u ngawdi kemm nista’ minnha.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.


Frederick Zammit