Moira Muscat mhux wiċċ ġdid fuq it-televiżjoni, l-attriċi bravissima rajnieha kemm-il darba fuq it-televiżjoni lokali. Ħafna jiftakruha ċertament għas-sehem tagħha flimkien mal-mibkija Gemma Portelli fis-serje F'Baħar Wieħed.

Moira kienet il-mistiedna ta' Owen Bonnici fejn tkellmet fuq bosta affarijiet, inkluż l-esperjenza tagħha ma' Gemma fuq is-sett ta' baħar wieħed, l-esperjenza tagħha fil-programm Liquorish fis-sena li rebħitu Paulette Gafa - li ħafna jafuha bħala Pawla u wkoll dwar is-safar.

Owen staqsa wkoll lil Moira dwar it-telfa tar-raġel tagħha lura għas-Sajf tas-sena 2018. Moira tistqarr li: "kienet sena twil ħafna u fl-istess ħin għaddiet qisha bħal leħħa ta' berqa għax meta nħares lura ngħid diġà għaddiet sena.Ħajti nbidlet, totalment."

Hi tistqarr li żewġha kien dejjem jiġġieled biex itejjeb ħajjet ħaddieħor. Tirrakonta storja ħelwa wara li kien għadhom kif iżewġu, meta kien qed jarma l-kċina kien talabha sabiex ma taħsilx plati...

Hi ddeċidiet li taħsilhom ġo fliskatur. Ħarġet fil-bitħa u spiċċat waqgħet ġo toqba żgħira. Hu kien mar jinħasel u xħin sema' l-għajjat niżel kif kien. Din spiċċat kienet l-introduzzjoni tagħhom ma' ħafna mill-ġirien.

Owen jagħlaq l-intervista dwar is-safar u hemm diversi pajjiżi li hi tixtieq iżżur... forsi 'l quddiem tkun mistiedna fil-programm biex tirrakonta ftit mill-avventuri tagħha barra minn Malta.


Emil Calleja Bayliss