Fl-1919 il-poplu Malti kien xeba’ sal-ponta ta’ mnieħru li jsefter f’pajjiżu stess. Meta l-prezz tal-ħobż kien għola tant li n-nies spiċċaw bil-ġuħ, ma kien fadlilhom xejn x’jistgħu jagħmlu għajr li jqumu kontra l-mexxejja Britanniċi u jesieġu xi forma ta’ rappreżentanza fil-gvern.
L-avvenimenti laħqu l-qofol tagħhom fis-7 ta’ Ġunju meta, waqt rewwixta fil-Belt Valletta, xi rġiel Maltin sfaw maqtula mis-suldati barranin. Din is-sena Teatru Malta se jikkommemora ċ-ċentinarju ta’ dak il-jum traġiku b’VII, spettaklu oriġinali mill-grupp The New Victorians, f’Sant’Iermu.
L-ewwel nett tgħiduli daqsxejn min huma The New Victorians? Minn fejn ġie dan l-isem?
Aħna aħwa. Jiena l-kbira (Bettina), u Philippa ż-żgħira. It-tnejn li aħna mużiċisti u kantanti, u flimkien nikkomponu l-mużika u niktbu kanzunetti, u ilna nkantaw u ndoqqu flimkien mill-2012 bħala The New Victorians.
Konna ħadna sehem f’Songwriting Competition l-Amerka u rbaħna l-Junior Division, u minn hemmhekk iddeċidejna li nkomplu nkantaw, indoqqu u niktbu d-diski flimkien. Wara l-kompetizzjoni konna ltqajna ma’ Howard Keith li mmedjatamant qalilna li għandna bżonn nagħżlu isem għall-grupp u għalhekk qattajna ftit żmien nippruvaw noħorġu b’isem oriġinali.
Fil-fatt kienet ommna li ħarġet bl-idea ta’ The New Victorians u għoġbitna! L-era Vittoriana kienet żmien ta' innovazzjoni u invenzjoni, u aħna hekk xtaqna li nagħmlu bil-mużika u l-arti tagħna - li nkunu innovativi u kreattivi.
La qed nitkellmu dwar l-ismijiet, kif għażiltu t-titlu VII għal dan l-ispettaklu?
Għall-ewwel ħsibna li kienet stramba li l-istorja tas- sebgħa ta' Ġunju hija magħrufa bħala Sette Giugno. Imbagħad wara ftit riċerka bdejna nifhmu l-istorja aħjar, u tgħallimna li l-mistoqsija lingwistika kienet tinsab fil-qalba tal-istorja, fejn it-Taljan, l-Ingliż u l-Malti kollha kienu lingwi prominenti li ġew mitkellma f'Malta dak iż-żmien. Għal din ir-raġuni ridna nħallu t-titlu miftuħ għat-tliet lingwi li se jintużaw fis-spettaklu billi nżommu t-titlu f'numri Rumani u nippermettew lill-membri tal-udjenza jiddeċiedu huma liema lingwa jixtiequ jużaw.
Smajt li qed taħdmu b’sistema ta’ “viewpoints”. Fiex tikkonsisti din is-sistema? Ġieli ħdimtu biha qabel?
Għalina “viewpoints” jipprovdi struttura li fiha nistgħu nimprovizzaw. Il-mod kif taħdem huwa li naqsmu l-istorja fl-għaxar partijiet ewlenin imbagħad niffukaw fuq biċċa biċċa, waqt li nagħtu importanza lill-moviment, ir-ripetizzjoni, il-ġest, il-ħoss, il-mużika, u kull komponent li nistgħu nużaw biex nesploraw ix-xena. Għalina hija sistema imprezzabbli.
Jiena kelli x-xorti nassisti għall-fazi R&D (Riċerka u Żvilupp) ta’ VII. Tistgħu tispjegaw il-fażijiet differenti tal-proċess li se jwassal għall-ispettaklu aħħari?
Bdejna l-proċess b'riċerka u studji f'Diċembru. Qattajna żmien niddiskutu u noħolmu b’ħafna mistoqsijiet. X’irridu nagħmlu b’dan ix-xogħol? X'tip ta' mużika rridu nikkreaw? Kif ħa ngħidu l-istorja? Mil-lenti ta’ min? Din kienet fażi ta’ diskussjonijiet, qari u ppjanar fejn għamilna minn kollox biex inkunu lesti għall-fażi tal-R&D.
Fit-tmiem tal-R&D bdiet l-fażi tal-kitba tal-iskritt, tal-komponiment u l-produzzjoni tal-mużika u tad-disinn tal-ħoss għall-ispettaklu. Dan kien xahar fejn ħadna l-ideat li ġew iġġenerati fl-R&D, tajnihom aktar struttura u ċarezza.
Qattajtu dawn l-aħħar xhur taħdmu ma’ żeffiena, kantanti u atturi. Kif se jingħaqad kollox la jasal il-waqt?
Naħseb l-iktar parti eċċitanti ta’ dan il-proċess kien li qed naħdmu full-time b’taħlita ta’ artisti minn oqsma differenti. Il-varjeta tat-talent fil-kamra hija tassew impressjonanti u kull artist żviluppa ħiliet ġodda matul dawn l-aħħar xhur.
Kemm minn VII huwa bbażat fuq avvenimenti veri?
VII bbażat fuq fatti storiċi u avvenimenti veri li huma deskritti fl-inkjesta li saret ftit żmien wara. Ix-xewqa ewlenija tagħna hi li nuru n-naħat kollha tal-istorj, biex ma nivvittimizzaw lil ħadd u ma nitfgħux dawl ikrah fuq xi grupp partikolari ta' individwi.
Qed nippruvaw nippreżentaw b'mod onest il-fatti u nħallu lill-udjenza tifforma l-opinjoni tagħha wara li nuru l-perspettivi kollha tal-ġrajja. Madankollu, hemm ukoll element tal-immaġinazzjoni, speċjalment meta ġejna għal ċerti dettalji u karattri.
Kif se tinstema’ VII? Se jkun hemm l-istil li mdorrijin nisimgħu mingħand The New Victorians jew se tmorru għal xi ħaġa differenti?
Ovvjament l-udjenzi jistgħu jistennew l-armoniji tas-soltu tagħna u l-ħsejjes elettro-akustiċi, imma aħna wkoll ħerqana li nkantaw ix-xogħol oriġinali bil-Malti. Qed nesperimentaw ukoll bl-għana, b’kanzunetti folkloristiċi u b’innijiet tal-knisja u kif nistgħu ninterpretawhom b’mod iktar modern. Ser tinstema’ daqsxejn aktar drammatika mill-kanzunetti tar-radju tas-soltu tagħna imma xorta bil-ħoss awtentika tagħna.
Ma’ min qed tikkollaboraw għal dan il-proġett? Hemm xi raġunijiet speċifiċi għalfejn intgħażlu dawn il-persuni u entitajiet li qed taħdmu magħhom? Ġieli ħdimtu magħhom qabel?
Qed nikkollaboraw ma’ Erin Carter, kittieba Skoċċiża li magħha ktibna Rave&Behave — xogħol li għamilna għall-festival taż-ŻiguŻajg f’Novembru li għadda. Kien interessanti għalina li fit-tim ikollna lil xi ħadd mhux Malti għal perspettiva mhux preġudikata fuq din l-istorja. B'xorti tajba għandna wkoll lilek, Simon, li qed tgħinna niżguraw li l-biċċa tintqal bi tliet lingwi ħalli nirrappreżentaw il-poplu ta’ dak iż-żmien.
Għall-kostumi u props qed nikkollaboraw ma' Luke Azzopardi u Camilleri Paris Mode għall-ewwel darba. Minn dejjem għoġobna x-xogħol ta’ Luke u nemmnu li l-istil tiegħu se jagħti ħajja moderna lil din l-istorja bil-kostumi kif ukoll bid-drapp tagħhom.
Huwa wkoll l-ewwel darba li ser naħdmu ma' ZfinMalta, mad-disinjatur tas-sett Aldo Moretti kif ukoll ma' ħafna mill-atturi.
Se nerġgħu ningħaqdu ma' Howard ta’ Jagged House għal xi għajnuna professjonali fuq il-produzzjoni tal-mużika. Qed inħallu l-loġistika kollha f'idejn it-tim tal-Ovation.
Għidulna xi ħaġa dwar id-disinn tas-sett u kif qed taħdmu ma’ Aldo Moretti.
Tkellimna ma’ Aldo Moretti f’fażi bikrija ħafna tal-proċess, fejn iddeċidejna li ridna nibnu struttura li setgħet tipponta lejn l-għoljiet, it-toroq mudlama u t-taraġ tal-Belt Valletta. Tkellimna wkoll dwar il-fatt li dak iż-żmien il-Maltin kienu l-iktar dgħajfin u mġewħin li qatt kienu u allura ridna li naraw il-kast isiru eżawriti fiżikament. B’hekk ħdimna fuq palk li jikkonsisti minn ħames livelli differenti kif ukoll żurżieqa kbira, b’għoli ta’ ħames metri.
Kif ħassejtukom meta rbaħtu l-Premju għall-Arti 2019 tal-Kunsill Malti għall-Arti bħala l-Artisti tas-Sena?
Konna sorpriżi ħafna bir-riżultat tal-premju li ngħatajna. Sinċerament ma konniex qegħdin nistennew dan il-premju. Kien ta’ sodisfazzjon kbir għalina bħala grupp u kuntenti ħafna li x-xogħol tagħna ġie apprezzat.
Għal aktar tagħrif żur www.teatrumalta.org.mt jew ċempel 21220255.
Kris Micallef