In-narratur fuq il-paġna ‘Ftit Minn Kollox’ kiteb dwar storja ta’ qsim il-qalb. Hu ddeskriva l-uġigħ ta’ kummenti negattivi wara l-mewt ta’ missieru, speċjalment minħabba li dawn il-kummenti kienu bbażati fuq affarijiet li ma kinux veri.
Hu beda billi kiteb, "Missieri ta’ 68 sena sofra puplesija kbira waqt li kien qed isuq il-mutur, u baqa' dieħel ġo crash barrier. Huwa weġġa' sew, għax id-daqqa kienet kbira ħafna, u ddaħħal l-isptar ibati minn ksur. Meta ċempluli li kien weġġa' l-papa', tlaqt kollox minn idi u mort malajr fuq il-post tal-inċident. Sibtu hemm fuq stretcher, imdawwar bl-istaff tal-ambulanza, se jittieħed l-isptar. Tawni permess nirkeb fl-ambulanza u mmur l-isptar miegħu. Kien mitluf minn sensih, ix-xagħar griż tiegħu mċappas bid-demm, kellu l-ġakketta sewda tal-ġild imqattgħa, ċappetta favur il-paċi li qatt ma jneħħi minn idu, u ma stajtx ma narax f'dirgħajh it-tattoo ta' ismi li għamel żmien ilu.”
Żied jgħid, “Għamel ġimgħat jissielet għal ħajtu, fejn qatt ma ġie f'sensih, sakemm ġismu ċeda għal kollox u miet fil-festa tal-Madonna ta' Pompei. Waqt li kont inkun ħdejn is-sodda tiegħu l-isptar, kont nara l-magni jagħtu n-nifs lil aktar raġel b’saħħtu li qatt kont naf. Kienet weġgħa kbira għalija nitlef lil missieri b'dak il-mod, mingħajr ma nista' nkellmu fl-aħħar ta' ħajtu. Iżda li weġġgħatni l-iktar mhux id-destin kiefer tiegħu, iżda l-kummenti li nkitbu dwaru.”
Kompla jikteb “Qrajt kummenti bħal: ‘X'tippretendi minn anzjan isuq bl-addoċċ’, jew ‘Imnalla weġġa' hu, u ma weġġax lil ħaddieħor’, jew ‘Il-ksuħat fis-sewqan dak li jġib.’ Ixxukkjajt ruħi jien u naqra dan, għax lil missieri kont nafu sewwa. Kien sewwieq responsabbli mmens, u kien dejjem jappella lil sħabu s-sewwieqa biex jieħdu ħsieb is-sigurta' tagħhom u tal-oħrajn. Li ma kinux jafu n-nies, li dakinhar missieri kien ġej lura mix-xift tiegħu ta’ volontarjat fejn ta’ kull ġimgħa kien iżur it-tfal morda l-isptar. In-nies ma jafux bl-attivitajiet għall-karità li kien jorganizza għad-delettanti tal-muturi, fejn inġabru eluf ta' ewro għat-trattament ta' tfal morda. In-nies raw biss biker xiħ, prużuntuż, li tkessaħ fuq il-mutur tiegħu, u ħa dak li ħaqqu.”
Dejjem għandna naħsbu qabel nikkummentaw, speċjalment meta l-kummenti tagħna jkunu bbażati fuq affarijiet li m'aħniex ċerti dwarhom.
Facebook / Ftit minn kollox