Miriam Christine kienet waħda mill-mistiedna tal-programm ta' kuljum Family Affair, fejn f'intervista ma' Christine tkellmet fuq il-familja tagħha u t-tfal. Miriam fil-bidu tal-intervista tgħid: “Ironika l-biċċa minn familja kbira fil-Brażil trabbejt tifla waħdi”.

Meta Christine, staqsiet lil Miriam dwar jekk xi ħadd mit-tfal iħobbx il-mużika jew forsi għandux in-namra lej il-mużika, tgħid li għalkemm it-tifel mhux daqshekk: “It-tifla storja oħra, it-tifla mindu telqet timxi u telqet timxi kmieni... il-ħin kollu tkanta, tiżfen... “

Miriam tistqarr li: “It-tifla bħali eżatt” u kienet it-tifla li ħajritha tirritorna fix-xena mużikali. “Fi ftit jiem oħra se joħroġ l-album kollu, b’vidjow mużikali ġdid ukoll – ili naħdem fuqu mhux ħażin...” tkompli tgħid Miriam.

“Kuntenta ħafna bih għax id-diski kollha li fih huma personali ħafna... jekk ikun hemm ħames persuni li jibgħatuli personali kemm bkejt... inkun l-iktar persuna kuntenta fid-dinja għax naf li jfissru xi ħaġa għal xi ħadd.”

Aktar kmieni din is-sena s-silta Bi Ftit Kliem fuq kliem u mużika tagħha, niżlet għasel ma' bosta nies u l-messaġġ tagħha ċertament li kien messaġġ li jirrelataw miegħu ħafna u ħafna ommijiet.


Emil Calleja Bayliss