Kurżita li skoprejna dan l-aħħar grazzi għall-intervista li Mireille kellha fuq ir-rivista Gwida u xtaqna naqsmuha magħkom il-qarrejja tagħna. Il-familja ta’ Mireille kellha ħanut tal-ħwejjeġ tat-tfal u Mireille kienet timmudella hemmhekk.

Ta’ sittax-il sena, Mireille kienet ġiet avviċinata minn Sue Rossi u bdiet timmudella b’mod professjonali. Ftit wara, Ivan Gaffiero kien għamel kuntatt magħha sabiex tibda tippreżenta miegħu, “Ma’ Ivan Gaffiero preżentajt l-ewwel programm, ’Il bogħod mill-vizzju."

Minn hemm kompliet tkabbar il-portafoll tagħha. Wieħed mill-programmi l-iktar popolari ta’ Mireille kien, Pop In, li kien jixxandar fuq TVM fl-2003.

“Kien programm li kont nippreżentah ma’ Jonathan Abel. Dak il-programm kien jixxandar minn Axis. Programm interessanti immens, li minnu konna nagħżlu l-kantanti li kienu ser jitilgħu bħala backing vocalists mal-kanzunetta rebbieħa tal-Malta Song For Europe."

"Ira kienet għadha kemm tikklassifika fit-tieni post u dak iż-żmien żdied l-eċitament. Ir-rebbieħa kienu marru jkantaw ma’ Lynn Chircop. Kienet sena fejn kont ukoll ippreżentajt il-festival flimkien ma’ Gianni u kont waħda mill-iżgħar preżentatriċi li qatt preżentaw il-festival,” tiżvela Mireille.

Minn dak iż-żmien għaddew 18-il sena. “Issa għalaqt l-40 sena, il-ħajja tinbidel xi ftit. Fil-ħajja għaddejt minn esperjenzi li tgħallimt minnhom, kbirt u immaturajt,” tgħidilna b’daħka.

Din l-intervista ġiet ippublikata b'mod esklussiv fuq ir-rivista tagħna GWIDA fix-xahar ta' Settembru. Il-GWIDA toħroġ kull l-ewwel Ħadd tax-xahar.


Anthony Baldacchino