Din il-ġimgħa Gwida.mt tkellmet ma’ raġel ta’ 79 sena b’żewġ passatempi mill-isbaħ. Robbie Pace, minn Ta’ Sliema għandu għal qalbu l-poeżiji u l-mudelli tal-ġebel.

Sfortunatament fl-1971 tilef lil martu bil-marda qerrieda tal-kanċer, meta kienu għadhom jgħixu l-Awstralja. Meta niżel Malta, flimkien mat-tlitt itfal tiegħu, kellhom joqogħdu fid-dar t’ommu. Nistgħu nobsru kemm din is-sitwazzjoni ma kienet faċli xejn, kemm għal Robbie, kif ukoll għal uliedu.

Ibnu, Ray Pace qalilna li missieru, f’sitwazzjoni bħal din, minflok ma ddispra jew qabad xi vizzji oħra, beda jagħmel ix-xogħol tal-ġebel u jikteb il-poeżiji. U jista’ jgħid li minn dak iż-żmien, għadu jgħożż dawn iż-żewġ passatempi sal-lum il-ġurnata!

Robbie ilu jaħdem il-mudelli tal-ġebel mill-1974, iżda llum m’għandux. Għamel diversi mudelli, il-ġmiel tagħhom! Fost dawn il-ħafna mudelli, ħadem presepju mill-isbaħ, dekorazzjonijiet tal-Milied, mitħna, djar u l-lista ma tiqafx! Xi ġmiel u x’oriġinalità! Din is-sengħa hija verament ta’ min jgħożżha għax iktar ma jmur, iktar qed tonqos.

Mill-istorja ta’ Robbie lkoll nistgħu nieħdu eżempju tajjeb! Fil-ħajja se jkollna tlugħ u nżul u xi drabi iktar nżul, iżda dejjem għandna nibqgħu nissieltu u ma naqtgħu qalbna qatt. Minn sitwazzjoni li xxewwek, Robbie rnexxielu joħroġ il-ward! Aktar tard il-ġimgħa d-dieħla naqsmu magħkom xi siltiet li kiteb Robbie. 


Yasmin Camilleri