Is-suċċess fenomenali ta’ Bohemian Rhapsody bla dubju wassal biex minnufih id-dinja ċinematografika titfa’ l-attenzjoni tagħha fuq films bijografiċi ta’ artisti rinomati. Anki pjattaformi bħal Netflix wkoll qed jinvestu fuq produzzjonijiet bijografiċi. B’mod imminenti f’dawn il-ġranet se jinħareġ il-film Rocket Man, li mill-isem tiegħu tistgħu tintebħu li dan il-film huwa dwar il-leġġendarju Elton John.

View this post on Instagram

A post shared by Rocketman (@rocketmanmovie) on

Il-ħsieb li jinħadem dan il-film ilu għaddej minn Jannar 2012 u t-titlu Rocket Man ġej mis-silta li biha Elton John kien kiseb suċċess internazzjonali fl-1972. Il-film qed isir bil-barka ta’ Elton John innifsu iżda tul dawn l-aħħar snin kien hemm ħafna bdil f’dawk li huma diretturi jew l-attur li kellu jilbes iż-żarbun ta’ Elton John.

Issemmew ismijiet bħad-direttur Awstraljan Michael Gracey u l-attur Ingliż Tom Hardy u saħansitra Justin Timberlake, li kien l-għażla ewlenija ta’ Elton John. Fl-aħħar il-film li l-Paramount Pictures se joħorġu din il-ġimgħa fir-Renju Unit u fil-31 ta’ Mejju fl-Istati Uniti għandu lill-attur Taron Egerton fil-parti ewlenija.

View this post on Instagram

A post shared by Rocketman (@rocketmanmovie) on

It-titlu Rocket Man ġej mis-silta Rocket Man li Elton John u Bernie Taupin kienu kkomponew flimkien u kienet dehret għall-ewwel darba fl-album Honky Château maħruġ fl-1972. Kienet telgħet fit-tieni post tal-klassifika Ingliża u fis-sitt post tal-klassifika fl-Istati Uniti. F’Ottubru 2018 Rocket Man ġiet klassifikata bħala diska tad-deheb mill-British Phonographic Industry wara li ġew reġistrati xejn inqas minn 400,000 download diġitali ta’ din is-silta mużikali.

Bla dubju li Rocket Man se jkun film ta’ suċċess. Iżda se jirnexxielu jissupera s-suċċess ta’ Bohemian Rhapsody?

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.


Frederick Zammit