Biex nibdew is-sena, Gwida.mt tkellmet ma’ attur li bħalissa qed narawh jaħdem il-parti ta’ Enrico f’‘L-Għarusa’. Dan mhu ħadd ħlief Rudy Catania! Fil-passat Rudy ħa sehem f’diversi serje oħra, fosthom ‘La Farfalla’. Sirna nafu li Rudy mhux biss mħarreġ fir-reċtar, imma anke fil-kant u ż-żfin!

F’din l-intervista rnexxilena nsiru nafu diversi affarijiet interessanti fuq Rudy, fosthom kemm dawn it-tliet irwoli huma għal qalbu! Tant hu hekk, li ma jistax jagħżel bejn il-kant, iż-żfin u r-reċtar. Qalilna li kieku jkollu jagħżel bejn dawn it-tlieta, qisu jkun qed jistaqsi lil ġenitur biex jagħżel bejn it-tliet ulied tiegħu!

Kemm ilek tirreċta? Minn dejjem kien għal qalbek ir-reċtar?

Biex inkun onest minn l-iskola minn dejjem kont ninvolvi ruħi b’mod inġenerali fejn jidħol palk u aktar tard fit-televiżjoni. Meta ngħid hekk, qed nirreferi għall-performing arts kollha, jiġifieri l-kant, iż-żfin u d-drama.

Bħalissa fuq is-settur tal-kant daqsxejn wieqaf, però hija xi ħaġa li naħseb fuqha u li nixtieq inkompliha ’l quddiem u anke nidħol f’xi spettakli. Però biex immur lura għad-domanda, iva minn dejjem kelli ġibda partikolari fejn jidħol l-ispettaklu. Fuq nota umoristika, il-ġenituri tiegħi u anke oħti, jgħiduli li minn dejjem kont showman u li l-kamera ma ddejjaqnix!

Liema karattru li interpretajt hu l-aktar li tista’ tirrelata miegħu?

Kelli diversi karattri li nista’ nirrelata magħhom, qisu kull karattru jkollu biċċa minni. Dan ifisser li min ikun qed jagħmel il-casting ikun jaf x’ihnu jagħmel għax ikun qiegħed jabbina xi angoli tal-karattru tiegħek stess ma’ dak li jkun qiegħed jinkludi fl-iscript.

Tnejn mill-karattri li l-iżjed li nista’ nirrelata magħhom huma Luca, li kien il-karattru ewlieni fis-serje "La Farfalla" fl-2009 u dak li bħalissa qiegħed ninterpreta fuq "L-Għarusa", dak ta’ Enrico. Nista’ nirrelata magħhom għaliex huma żewġ karattri li għandhom ċertu kariżma, jazzardaw u determinati f’dak li jagħmlu.    

Liema karattru ħassejtu l-aktar diffiċli biex tinterpreta?

Naħseb li l-iżjed karattru li kien diffiċli għalija biex ninterpreta, u li fl-stess ħin ħadt pjaċir nagħmlu kien Luca. Apparti l-impenn li kien fih, kellu wkoll ħafna emozzjonijiet differenti, madanakollu huma dawn il-karattri li jkabbru lill-attur u jagħtuh l-esperjenza meħtieġa biex ikompli jevolvi fil-karriera tiegħu. 

Nafu wkoll li inti żeffien bravu ħafna. X’tista’ tgħidilna dwar dan il-passatemp? 

L-ewwel nett grazzi tal-kumpliment, napprezza ħafna. Kont għamilt ħames snin nipprattika ż-żfin Latin u Ballroom fuq livell kompetittiv, biss illum m’għadnix nipprattikah daqshekk frekwentament u fuq dak il-livell. Però bħall-kant, ma neskludix li nkomplih fil-futur qarib.

Bħala passatemp iż-żfin huwa xi ħaġa li tani ħafna, għax mhux biss iżommok attiv imma wkoll jgħallmek tissoċjalizza, x’inhi etika u kif għandek tkun ġentlom u turi rispett lejn il-mara.

Kif nibtet l-imħabba lejn iż-żfin?

Bdejt iż-żfin meta kelli ħdax-il sena, però b’differenza taż-żewġ dixxiplini l-oħra ma kellix inklinazzjoni partikolari lejh, qabel ma ġiet l-ewwel opportunità. Niftakar konna qegħdin talent show li kienet ħadet sehem fih oħti, u kien hemm ħabiba t’ommi li kellha t-tifla qed tiżfen u li kienet qiegħda tfittex partner.

Malli semgħet hekk, ommi daret fuqi u staqsietni jekk ridtx niżfen u jien bla ma naf kif, għidtilha iva! L-imħabba għaż-żfin nibtet mill-ewwel lezzjoni li kont attendejt u qatt ma waqaft għax għadni nħobbu s'issa.

Kieku jkollok tagħżel bejn dawn it-tlieta, x’tagħżel?

Kieku kelli nagħzel xi dixxiplina partikolari minnhom it-tlieta, b’idi fuq qalbi ngħidlek li ma jirnexxilix. Fil-fatt hija mistoqsija komuni ħafna li jagħmluli u r-risposta tiegħi dejjem tkun kieku jkollok tliet itfal li tħobbhom ħafna, tista’ tagħżel wieħed minnhom?

Wisq probabbli r-risposta tkun le, anke għall-fatt li it-tliet dixxiplini ma tistax tqabbilhom, imma fl-istess ħin wieħed jikkumplimenta lill-ieħor.  


Yasmin Camilleri