Din il-ġimgħa Gwida.mt tkellmet mal-attriċi lokali Rebecca Paris, li bħalissa qed tinterpreta l-karattru ta’ Maryanne fis-serje tant popolari ‘Division 7’. Rebecca qasmet magħna l-imħabba li għandha għall-familja tagħha u l-annimali, li tqishom bħala wliedha! Apparti minn hekk, sirna nafu diversi affarijiet interessanti ħafna dwarha!

Minn fejn nibtet l-imħabba għad-drama? Kemm ilek tirreċta?

Jekk nibdew mill-ewwel ġurnata li bdejt id-drama, immorru lura s-snin għal żmien l-iskola primarja, seklu ilu! Biex inkun onesta, l-imħabba għad-drama qatt ma nibtet għax ħajti dejjem hekk nafha, drama waħdi l-ħin kollu! Ir-reċtar hu parti minni u mhux qed ngħidha bi qżież imma għax veru! Min hu viċin tiegħi, inkluż ħbiebi, jistgħu jikkonfermaw li dik hija jiena.

Imbagħad ovvjament meta rrealizzajt li d-drama hija l-forte tiegħi, attendejt korsijiet tad-drama. Biex nitgħallem għażilt dawk il-persuni f’Malta li għalija nħosshom l-aqwa biex għallmuni t-teknika tar-reċtar, li huma Carlos Farrugia u Mark Doneo. Imbagħad attendejt klassijiet tar-reċtar għaċ-ċinema ma’ Patrick Vella. Bdejt nidher fuq it-televixin bejn għaxar snin u tnax-il sena ilu.

Liema l-aktar karattru li interpretajt kien l-aktar wieħed li stajt tirrelata miegħu? Għaliex?

Biex inkun onesta, kull karattru li kelli dejjem daħħalt ftit lil Rebecca fih. Però jkolli nammetti li l-aktar li kien simili tal-karattru tiegħi huwa l-karattru ta’ Maryanne f’‘Division 7’. Ovvjament qatt ma qtilt lil ħadd, imma Maryanne hija żbukkata ħafna, bħali. Għalhekk naħseb li dak kien l-aktar element fil-karattru ta’ Maryanne, li nista’ ngħid li għamilhieli aktar rilassanti biex ninterpreta l-karattru tagħha.

Liema karattru kien l-aktar diffiċli biex tinterpreta? Għaliex?

Il-parti prinċipali li kelli fil-film għall-barra minn Malta ma’ Patrick Vella fil-film ‘Breeder’! Kienet parti impenjata mmens u biex inħadmet kelli nagħmel sessjonijiet waħdi apposta għal dan il-karattru li kont qed ninterpreta. Ovvjament kont f’parti prinċipali u film għal barra jirrikjedi aktar attenzjoni, fejn ma jistgħux jitħallew ċertu dettalji barra jew ċertu żbalji jgħaddu.

 

Barra d-drama, nafu li għandek għal qalbek ħafna l-annimali. Kemm għandek annimali?

L-annimali huma l-aqwa ħaġa li tista’ ddawwar lilek innifsek bihom f’ħajtek! Nikkunsidrani ‘animal lover’! Għandi erbat iqtates u kelba u għalija huma daqs li kieku wellidthom jien! Ma niffokax fuq ir-razza imma nħobb niġborhom minn barra u ma nixtrix annimali.

Dan l-aħħar ukoll, qed nipprova nnaqqas ħafna mil-laħam. Biex inkun onesta qed nipprova, għax mhijiex faċli! Ommi vegana u meta noħorġu, nippruvaw infittxu postijiet b’menu vegan. L-ikel vegan sar jogħġobni u jekk jirnexxieli nibdel il-mod ta’ kif niekol għal wieħed vegan, naħseb li personalment inħossni aktar sodisfatta.

 

X’inhuma l-affarijiet l-aktar importanti għalik?

Bħal kulħadd, naħseb li l-familja hija l-aktar ħaġa importanti u għal qalbi! It-tifel huwa l-prijorità ta’ ħajti u t-tfal ta’ ħuti huma l-imħabba ta’ ħajti! Dan l-aħħar żidna fjura oħra permezz tat-tifla t'oħti Emma. Jien kont il-parrina ta’ din il-ġojjel! Nazzarda ngħid li ffissata fuqha b’mod esaġerat! Jisimha Lana.

Però kollha nħobbhom, m’hemmx paragun. Il-kbira ta’ ħija, Francesca u warajha hemm Cole u mbagħad għandna lil Mikey u l-iżgħar waħda t’oħti. Apparti minn hekk, imdawra b’erbat iħbieb sinċiera u grazzi għalihom irnexxieli niġi fuq saqajja f'mumenti iebsa li għaddejt minnhom.

Imbagħad ommi hija l-punt ta’ referenza, inħobbha mmens! Nista’ ngħid li ħajti mdawra bl-imħabba u r-rispett. Minkejja li għaddejt minn ħafna f’ħajti, inħossni persuna ffortunata.

Sirna nafu li ma tantx tħobb il-Milied. Hemm xi raġuni għaliex?

Iva, il-Milied ma nħobbux għax suppost huwa mument ta’ mħabba u għaqda. Jiena persuna realistika ħafna u meta fil-verità ma jkunx hemm imħabba u għaqda, ma narax il-kas għalfejn għandna nkunu ipokriti u noqogħdu niċċelebraw "l-imħabba u l-għaqda"!

Iżda la qiegħda fid-dinja u kulħadd jipprova jisforza ruħu jidħak u jiżżabel, jien nipprova nagħmel bħalhom! Apparti hekk, fil-verità l-Milied huwa element tal-knisja u huwa festa reliġjuża u mhux sempliċiment sors ta’ kummerċ. Personalment ikolli nammetti li ma nipprattika l-ebda reliġjon, għalkemm nemmen f’ċerti affarijiet.

Minkejja dan kollu, ħassejt li dan il-Milied ma mortx ħazin għax ħsibtni li se nkun agħar! Nista’ ngħid li gawdejtu wkoll, imma mhux se niddejjaq ngħid li għalija hija ġurnata bħall-oħrajn.


Yasmin Camilleri