Kif itiru l-ġimgħat, speċjament meta tkun qed issegwi sensiela sabiħa u speċjali bħal BRILLANTI. Illejla ser insegwu l-aħħar semifinali ta' din is-sensiela ġdida li fi ftit ġimgħat saret tant popolari mat-telespettaturi Maltin u Għawdxin.
Din il-ġimgħa l-sfida ser tkun Brillanti Goes Me - sfida li fiha it-tmien semifinalisti ser jagħżlu silta mużikali sabiex biha juru tassew xi stoffa għandhom filwaqt li l-istess silta tkun tirrapreżentahom - tirrappreżenta l-karattru, it-talent u l-Brillanti ta' ġewwa fihom.
Min hu l-favorit jew favorita tagħkom biex jirbħu €10,000 f'cash u ċ-ċans uniku li jkunu solisti ma' orkestra professjonali kollox imħallas grazzi dejjem għall-European Foundation for Support of Culture. Min minn dawn it-tmien semifinalisti ser jgħaddi għall-finali li ser isseħħ il-Ġimgħa ta' wara, proprju fit-8 ta' Lulju 2022 f'wieħed mill-isbaħ teatri ta' pajjiżna - it-Teatru Manoel.
Ser ikun Julian, li bil-klarinett ħareġ mill-qoxra tiegħu u uriena mużiċista ta' karattru ta' veru? Samuel, li bil-vjolin impressjona u ġibed tant simpatija tieghu. Forsi Raffael - il-kitarrista żagħżugħ li seraq il-qlub tal-Maltin u Għawdxin kollha bid-determinazzjoni tiegħu jew Francesco, il-pjanista tant bravu u simpatiku li jieħu kollox b'tant serjetà waqt li dejjem jitbissem?
Hemm ukoll Kristy, it-tfajla ta' 15-il sena b'vuċi unika li ssaħħar lil kull min jismagħha, jew Georg - dan is-suldat simpatiku u bravu li jħaddan talent kbir b'tant umiltà? Min jaf jekk ikunx Daniel, il-pjanista li ta' kull ġimgħa jgħinna noħolmu bid-daqq meraviljuż tiegħu jew John il-pjanista li l-bravura tiegħu issaħħar lil kulħadd?
Ser tkun semifinali iebsa, mimlija emozzjoni fejn is-sorpriżi żgur li mhux ser jonqsu, li hu żgur li it-tmien semifinalisti ser jagħtu dak kollu li għandhom ġo fihom, it-talent uniku tagħhom sabiex jgħaddu għall-finali ghaliex fi kliem Wayne Marshall ic-Chairman tal-Gurija, "For the Finale only the Brilliant will pass - we want nothing but Brillance and Brilliance we shall have!"
Mela titilfux BRILLANTI illejla għaliex ser ikun tassew spettakolari!