Żeffiena brava u wkoll b'passjoni għall-fotografija tant li sar xogħlha; Alana Bondin. Tkellimna magħha u minn kliemha turik kemm hija tfajla pożittiva. Iżda kulħadd ikollu l-mumenti iebsin tiegħu fil-ħajja fejn minn mindu tilfet il-papa tagħha, bdiet tħares lejn il-ħajja b'lenti differenti fejn tipprova tieħu dak li tista' minnha!
Sostniet li jkollha ġranet fejn tkun l-oppost ta' 'Alana tas-soltu' u stqarret li min jitlef xi ħadd mill-ġenituri ċertament li jifhem x'qed tgħid. "Iżda nemmen li ħajtek hija wkoll kif tagħmilha inti! Jekk tħares lejha b'pożittività, tkun aktar herqana għall-ġranet li jmiss", qaltilna Alana.
Ritratt: Facebook/ Alana Bondin
Fuq nota iżjed ċelebri, staqsejnieha kif inhuma għaddejjin il-preparamenti għat-tieġ tagħha. "Nammetti li jien bħala persuna mhux xi waħda li nippannikja għax pjuttost 'happy go lucky' imma issa fadal biss xaharejn u nammetti li l-barometru tal-istress beda tiela' ftit ftit", qaltilna Alana. Hija persuna li mdorrija tmexxi kollox hi minħabba li taħdem għal rasha u allura l-fatt li dakinhar tat-tieġ trid minn ħaddieħor, iqabbadha ftit ansjetà. "Iżda 'looking forward' li jien u Niki wara 10 snin flimkien nagħmluha l-pass li jmiss. Ilna flimkien minn meta kellna 17-il sena!", qaltilna b'ton ferrieħ Alana.
Ritratt: facebook/ Alana Bondin
Sadanittant Alana hija mħabbta sew bil-fotografija u l-iskola taż-żfin tagħha li joħdulha ħafna ħin. Però sostnet magħna li tgħallmet issib bilanċ u tagħmel dawk l-affarijiet li jferrħuha; li tmur s'għand ommha, li tqatta' ħin ta' kwalità mal-għarus tagħha u li kultant toħroġ mal-ħbieb ukoll! Nawgurawlek Alana! Ibqa' tbissem!
Ritratt: Facebook/ Alana Bondin