Parti mill-programm Bring It Back ta’ Teatru Malta, Min Hi? mil-lejla ser jerġa’ lura għall-palk, taħt id-direzzjoni tal-bravissimu Ruben Zahra. Dan l-ispettaklu kien impressjona lill-udjenzi li attendew għall-ewwel darba fl-2019, u saħansitra kiseb nomina għal Premju għall-Arti.

Din il-produzzjoni b’element qawwi misterjuż toffrilna taħlita spettakolari ta’ teatru u żfin. Il-karattri stess jirnexxielhom isaħħu r-rakkont anke bil-movimenti u bil-mossi ta’ jdejhom, u tal-props li jkunu qed jużaw,

F’xi mumenti jkun hemm anke kant ta’ melodiji familjari immens mal-udjenza lokali, u li jirnexxielhom ikomplu jdaħħlu lil dak li jkun fl-istorja.

Għandna lill-attriċi li m’għandha bżonn ta’ ebda introduzzjoni, Lee N Abela, li jirnexxielha tinterpreta karattri femminili misterjużi għall-aħħar, uħud bibliċi u oħrajn mitoloġiċi, u turi li quddiemna qed naraw mara li għaddiet minn ħafna.

Dak li jirrakkuntaw il-karattri femminili huwa realistiku, għax l-udjenza ser tintebaħ li huma każijiet li nisimgħu bihom fil-ħajja reali.

 Tikkumplimentaha b’korjografija brillanti, Nicole Chetcuti. Nicole tul din il-produzzjoni ħa tkun qed issaħħaħ ir-rakkont li jippreżentaw il-karattri.

Mill-bidu nett tal-produzzjoni Lee N  tibda tirrakkonta b’passjoni kbira, u fid-dettall, biex l-emozzjoni awtomatikament tinħass mill-udjenza. Bla ma trid, iżżommok attent għal dak li qed jiġri jew x’ser jiġri, mill-bidu sal-aħħar.

Kulma jmur tul dan ir-rakkont, il-karattri femminili qegħdin juru sens ikbar ta’ rabja u frustrazzjoni. F’diversi mumenti l-karattru jinħass bla ħniena, għax ġarrab ħafna. Lee N, ta’ attriċi bravissima li hi, turi biċ-ċar meta verament tkun qed tesprimi l-weġgħa, anke mill-mod kif tibda tgħolli leħinha.

Il-vokabularju huwa qawwi, u kultant tal-waħx, u bħal jagħti stampa ta’ massakru li sar jew għad irid isir. Kwalità interessanti f’din il-produzzjoni hi t-tranżizzjoni kontinwa bejn il-Malti u l-Ingliż. Tranżizzjoni li ssir bla skossi u bi preċiżjoni liema bħalha.

Il-lingwa Ingliża tagħti lok biex udjenzi internazzjonali li ser isegwu dan l-ispettaklu, jifhmu eżattament x’qed jingħad u għal xiex qed jirreferu l-karattri. Wieħed jinnota immedjatament bit-tranżizzjonijiet effettivi, bejn id-dawl drammatiku u d-dlam, kif ukoll permezz tal-ħsejjes li jinstemgħu.

M’għandniex xi ngħidu, il-kast u l-kru juża preċiżjoni kbira fil-pożizzjonijiet fuq il-palk tal-karattri, it-timing, il-konsistenza tal-ħsejjes u l-ħars fiss ta’ wiċċ il-karattri.

Min hi? She, Revealed hi produzzjoni fuq kitba ta’ Trevor Zahra, u taħt id-direzzjoni ta’ Ruben Zahra. Lesti ruħek għal spettaklu indimentikabbli.

Min hi? She Revealed POSTER

Ritratt: Facebook/ Teatru Malta


Kyle Zarb