Wake Up Call fuq NET FM kellu preżentazzjoni ta' Dylan, Steph u Janet imma jidher li mill-iskeda li jmiss, it-tim ħa jitlef waħda mill-kollegi tiegħu. Janet ħa tkun qed tħalli l-programm ta' filgħodu. Għadha kif ġiet imnedija l-iskeda tal-istazzjon tar-rajdu, kif ukoll tat-televiżjoni u wieħed kien sorpriż b'din l-aħbar!
Ritratt: Facebook / NET FM
It-tim għadu ma kkonfermax jekk hux ħa jkun hemm xi ħadd li ħa jieħu post Janet fit-tim, imma l-indikazzjonijiet donnhom hekk huma. Min jaf forsi hemm xi personalità li ħa tirritorna fuq ir-radju jew xi ħadd li s-semmiegħa ġa mdorrijin jisimgħu fuq ħinijiet oħra tal-ġurnata! Ngħiduha kif inhi biex tagħmel programm daqshekk kmieni jrid ikollok kuraġġ!
Ħa jħalluna bil-kurżità għalissa għax anke fuq il-programm tal-iskeda kull m'hemm miktub hu... Dylan, Steph u... daqshekk aktar. Insomma jidher li l-iskeda ta' NET FM u NET TV ħa tkun mimlija ġmielha. Fosthom insibu r-ritorn tad-drama Fattigi u d-drama ġdida Iż-Żagħka li ġibna tagħrif dwarha fil-jiem li għaddew.
Ritratt: Facebook / NET FM
Eileen Montesin tirritorna fuq it-televiżjoni flimkien mal-familja tagħha u ħbieb tal-qalb bil-programm Family Affair filwaqt li Marbeck Spiteri u Charles Saliba jirritornaw bil-programm ta' kuljum Life & Style. Dan barra programmi oħra informattivi u nteressanti li għandna naraw u nisimgħu fuq dan l-istazzjon!
Lura għal Wake Up Call, meta tkellimna mat-tim xtaq jawgura lil Janet l-isbaħ xewqat u għalkemm ħa tieqaf mill-programm ta' filgħodu xorta waħda ħa tkun qed taħdem minn wara l-kwinti fl-istazzjon. Forsi tispiċċa waħda mill-mistiedna speċjali tagħhom jekk ikunu qed iħossu n-nuqqas tagħha ħafna, fl-istess bini ħa tkun!
Ritratt: Facebook / NET FM