Din is-sena Mike Spiteri qed jiċċelebra 50 sena fl-industrija tal-mużika, wieħed mill-highlights tiegħu jibqa' l-fatt li r-rappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest fl-1995 bil-kanzunetta Keep Me In Mind ta' Alfred C. Sant u Ray Agius. Mike kien għamel snin twal barra minn Malta, hu jistqarr li kien għamel madwar 15/20 sena qabel għamel ir-ritorn tiegħu f'pajjiżna. Kien irrealizza li għalkemm ilu jkanta tul dawn is-snin, f'pajjiżu ħadd ma kien jafu!

Meta rritorna Malta ħa sehem fil-Festival Internazzjonali Tal-Kanzunetta Maltija, bil-kanzunetta Kompjuter flimkien mal-band Mirage u minn hemm il-karriera tiegħu fjorixxiet! Bħala highlight isemmi meta rċieva premju fil-Malta Music Awards, dan apprezzah ferm għax kien sinjal li x-xogħol tiegħu qed jiġi apprezzat! Din is-sena, Mike irċieva wkoll Ġieħ L-Għanja Li Tibqa' waqt l-Għanja tal-Poplu ta' din is-sena.

Charles isaqsi lil Mike dwar is-sigriet tiegħu dwar kif baqa popolari tul is-snin, hu jistqarr li qatt ma xtaq ikun one hit wonder, jgħid li jiddejjaq jitlef! Mike jgħid li rnexxielu tul is-snin jibqa' hemm għax żamm saqajh mal-art, dejjem apprezza kull suċċess. Hu żamm aġġornat maż-żmien u jemmen dak li tgħallem fil-passat għenu jibni l-karriera tiegħu!

Mike jgħid li mhux kull min jaqbad microphone jsir kantant... hu ħares lejn dawk ta' qablu u jsemmi żewġ ġganti il-Bayzo u Sammy Bartolo, żewġ kantanti ta' vera. Hu jgħid li x-xogħol li ħadu l-kantanti tal-bieraħ għen sabiex jikbru u jsiru kantanti ta' stoffa! Infatti Charles isemmi uħud mill-istabbiliti fix-xena lokali bħal Mary Rose Mallia, Mary Spiteri u oħrajn!

Għal bijografija dettaljata ta' Mike, wieħed jista' jsegwi l-filmat li deher fl-Għanja tal-Poplu ta' din is-sena fejn naraw bosta ritratti u avvenimenti mill-karriera ta' wieħed mill-aqwa kantanta lokali, b'ton uniku li tagħrfu mill-ewwel kelma ta' xħin jiftaħ ħalqu!


Emil Calleja Bayliss