Permezz ta’ ktiba riċenti fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook, Dr Nicholas Briffa sellem il-memorja ta’ Lucy Salini filwaqt li kiteb ftit informazzjoni dwar il-ħajja ta’ din il-mara, mara li f’ħajjitha għaddiet minn diversi episodji diffiċli mmens.

“Lucy qatt ma qatgħet qalbha, lanqas meta, fl-1943, l-ewwel irrifjutat li sservi fl-armata faxxista u wara abbandunat ukoll dik Nazista. Hi kienet ħarbet mill-isptar wara li kienet hemmhekk rikoverata minħabba li qabditha l-pnewmonja wara li tefgħuha fl-ilma silġ bħala kastig għax irrifjutat li tkun fl-armata,” qal hu.

“Imġiegħla taħdem fil-prostituzzjoni, ġiet skoperta min-Nażisti u kkundannata għall-mewt. Din is-sentenza ġiet sussegwentement mibdula f'xogħol iebes ħafna fil-kamp tax-xogħol ta' Bernau. Wara li reġgħet provat taħrab, ħaduha fil-kamp ta' konċentrament ta' Dachau fejn jgħidu li kien hemm sigurtà akbar. Sitt xhur wara, mirakolużament baqgħet ħajja wara li sparawla. Kienu sabuħa l-Amerikani fost munzelli ta' katavri,” żied jgħid.

Kien proprju fis-snin 80 meta Lucy kienet verament ħielsa biex tkun Lucy wara li għaddiet minn diversi interventi kirurġiċi. Verament mara li għaddiet minn ħafna f’ħajjitha biss dejjem baqgħet tħares il-quddiem u rnexxielha tasal sal-għomor sabih ta’ 98 sena. Tistrieħ fis-sliem!

Facebook/ Nicholas Briffa


Charlton Cefai