Michela Galea, l-kantanta, l-attriċi u l-mudella. Kantanta residenti għal dawn l-aħħar snin waqt il-programm tas-sibt flgħaxija The Entertainers fuq Net TV. Tkellimna ftit ma’ Michela biex insiru nafuha aktar mill-qrib, iddiskutejna magħha l-esperjenzi li kellha s’issa fil-karriera tagħha, dak li qed tagħmel u dak li għandha pjanat għal ġejjien! Forsi niskopru ukoll xi intriċċ jew ieħor! Ma tafx kif!

Michela, nafuk bħala kantanta, attriċi u mudella. Hemm xi similarità bejn it-tlett dixxiplini li tant huma għal qalbek u liema mit-tlett dixxiplini ssib l-aktar ta’ sfida fuq livel personali?

Kemm fil-kant, fir-reċtar u fl-imudellar irid ikollok preżenza fuq il-palk u anke għat-televiżjoni. Trid tkun kunfidenti u b’attitudni pożittiva. Kull dixxiplina għandha l-isfidi tagħha però kieku jkolli nagħżel dixxiplina li nsib l-aktar ta’ sfida tkun l-imudellar.

View this post on Instagram

A post shared by Michela Galea (@michelagalea16) on

Ħa nkompli b’mistoqsija forsi kemmxejn krudili, però kieku jkollok tiffoka fuq dixxiplina waħda biss, liema tkun u għaliex?

Mistoqsija daqsxejn diffiċli għaliex ma nistax nagħżel dixxiplina waħda. Il-mużika u d-drama huma wisq għal qalbi allura diffiċli ħafna biex nagħżel.

Fl-2017, rajniek tipparteċipa fil-kuntest Miss World Malta li waslek għal kuntest tas-sbuħija Miss World. X’kien li ħajrek tidħol għal dil-kompetizzjoni meta qatt ma kellek esperjenza fl-immudellar? Kif ippreparajt għall-avventura tiegħek ġewwa ċ-Ċina?

Din l-opportunità ġiet vera bla ħsieb. Lanqas qatt f’mitt sena ma kont nobsor li se nipparteċipa ġo kuntest tal-imudellar speċjalment fil-kuntest Miss World Malta. Diversi nies kienu dejjem jinkuraġġuni biex nibda nimmudella, u biex ngħid il-verità, l-imudellar minn dejjem kien jogħġobni però qatt ma ħadt il-pass biex nibda nimmudella. Iddeċidejt nidħol għal din il-kompetizzjoni biex nipprova xi ħaġa ġdida u kont nemmen li hija pjattaforma tajba għall-karriera tiegħi.

Niftakar meta sirt naf li kont għadni kif irbaħt it-titlu ta’ Miss World Malta bqajt iċċassata, ma stajtx nemmen però kont kuntenta mmens. Il-preparazzjonijiet għal din l-avventura kienu ħafna, fosthom, deċiżjonijiet mat-tim rigward il-ħwejjeġ u l-ilbiesi li kelli nieħu miegħi, li nżomm ruħi fiżikament attiva u li niekol healthy, preparazzjonijiet għall- fast track competitions li jsiru f’Miss World fosthom talent, sports, Beauty with a Purpose u Multimedia fost ħafna iktar preparazzjonijiet.

View this post on Instagram

A post shared by Michela Galea (@michelagalea16) on

Fl-istess kompetizzjoni, int irbaħt it-titlu ta’ Miss World Talent. L-ewwel darba li titlu bħal dan intrebaħ minn Maltija. Kif tiddeskrivi l-mument li ħabbruk bħala r-rebbieħa? X’fisser għalik dan it-titlu?

Kont fis-seba’ sema. Li tisma’ isem MALTA bħala rebbieħa kien ta’ sodisfazzjon kbir iktar u iktar għax kienet l-ewwel darba li Malta rebħet dan it-titlu. Titlu li fisser ħafna għalija. Kien hemm madwar 100 kontestanta madwar id-dinja jiġġieldu għal dan it-titlu. It-talent li rajt kien inkredibbli: kien hemm kantanti, żeffiena, mużiċisti u min jagħmel il-maġija. Il-fatt li jiena u Malta rbaħna dan it-titlu kien ta’ sodisfazzjon kbir. Esperjenza li nibqa’ nġorr tul ħajti kollha.

View this post on Instagram

A post shared by Michela Galea (@michelagalea16) on

Għamilt xahar sħiħ ġewwa ċ-Ċina! Liem kienu l-isbaħ mumenti minn din l-avventura u liema kienu dawk il-mumenti li forsi kienu kemmxejn ta’ sfida għalik?

L-avventura kollha kienet sabiħa. Iltqajt ma’ kontestanti mid-dinja kollha b’kulturi differenti. Żorna postijiet ferm sbieħ ġewwa ċ-Ċina fosthom ġo gżira jisimha Hainan, Shenzhen, Guangzhou, Sanya, fost oħrajn. In-nies tal-pajjiż huma fanatiċi ħafna fuq Miss World u kull fejn konna mmorru konna nsibu għadd kbir ta’ nies lesti biex jieħdu r-ritratti. Sfida waħidha kienet li vvjaġġajt waħdi għal tul ta’ ħin fejn kelli nħabbat wiċċi ma’ diversi sfidi sakemm wasalt u ġejt milqugħa mill-kontiġent ta’ Miss World.

Sfida oħra kienet li ridna nbakkru kmieni filgħodu biex nippreparaw kif nidhru inkluż xagħarna, irtokk, ilbies u ġojjelerija, għax kull ġurnata kienet tkun mimlija b’ħafna attivitajiet, avvenimenti u appuntamenti u dan kollu kien joħloqilna stress kbir però dejjem żammejt f’moħħi li qed nirrapreżenta lil pajjiżi, u għaldaqstant nistqarr li għamilt ħilti biex dejjem nidher tajba kemm fl-attitudni kif ukoll fil-impenji li kellna.

View this post on Instagram

A post shared by Michela Galea (@michelagalea16) on

Michela, int ġejja minn familja sħiħa mużikali. Għas-segwaċi li ma jafux, tgħidilna naqa min huma? Temmen li l-familja tiegħek ħalliet impatt fuq l-għażla tal-karriera tal-kant?

Missieri Adrian huwa kantant, mużiċista u perkussjonista. In-nannu tiegħi huwa Edwin Galea li huwa kantant u mużiċista. Kien irrappreżenta lil Malta ġewwa l-Ġappun u rebaħ it-titlu tal-Aqwa Kantant fost 37 pajjiż madwar id-dinja. Il-bużnannu tiegħi m’huwa ħadd ħlief il-mużiċista u ‘showman’ popolari Oscar Lucas. Il-familja tiegħi ħalliet impatt kbir fil-karriera tiegħi għax il-mużika daħlet b’mod naturali.

Kantanta residenti fuq il-programm tas-Sibt flgħaxija fuq NET TV, The Entertainers. F’dan il-programm minn ġimgħa għal oħra narawk tkanta u tagħmel il-backing vocals ta’ kull min ikun mistieden fil-programm. X’sodifazzjon itik li tkun il-vuċi wara tant kantanti, uħud minnhom fost l-aktar stabbiliti f’pajjiżna? Tħoss responsabilità?

Huwa ta’ sodisfazzjon kbir u kont inkun ħerqana għall kull ġimgħa biex niltaqa ma’ diversi kantanti u mużiċisti bravi li għandna f’pajjiżna. Nista’ ngħid li dejjem ħadt il-programm bis-serjetà u b’responsabbilità kbira.

View this post on Instagram

A post shared by Michela Galea (@michelagalea16) on

Irbaħt iż-żewġ festival ewlenin f’pajjiżna bil-lingwa Maltija – il-Konkors Kanzunetta Indipendenza fl-2014 u l-Għanja tal-Poplu fl-2018. X’sodisfazzjoni ituk konkorsi bħal dawn fil-karriera tal-kant? Hemm xi proġetti ġodda fil-futur?

Min jafni, jaf kemm il-lingwa Maltija hija għal qalbi b’mod speċjali l-kanzunetti bil-Malti. Iż-żewg konkorsi huma prestiġġjużi f’Malta u għalhekk inħossni onorata li rbaħthom. Kemm meta rbaħt bil-kanzunetta Mixja Li Bdiet u wkoll meta rbaħt bil-kanzunetta dwar id-dinja tal-imudellar, Mhux Kulma Jleqq Deheb. Proġetti dejjem ikun hemm, nipprova naħtaf kull opportunità li tiġi u din is-sena għandi proġetti sbieħ ħafna.

Rajniek ukoll fis-six chair challenge fl-X Factor Malta fejn ħafna segwaċi stqarrew li kellek tgħaddi għal fażi aħħari tal-kompetizzjoni. X’tgħallimt minnha din l-esperjenza? Nerġgħu narawk f’dan il-programm?

Kull esperjenza qiegħda hemm għal tagħlima u minn din l-esperjenza ħassejt is-sapport qawwi tal-poplu Malti u Għawdxi li ħallieli impatt pożittiv u sabiħ biex inkompli nikber bħala artista.

View this post on Instagram

A post shared by Michela Galea (@michelagalea16) on

Ħafna forsi jiftakruk ukoll fuq it-televiżżjoni lokali fejn ħadt sehem fid-dramas D.R.E.A.M.S, Katrina, u Ħbieb u Għedewwa. Riċentament rajniek ukoll f’parti ewlenija fil-film Ħabbilni Ħa Nirbaħ. Kif tħossok tilbes iż-żarbun tal-karattru li tkun qed tinterpreta quddiem kamera?

L-hena tiegħi nistudja u ninterpreta karattri differenti li bla dubju joħolqu sfida u sodisfazzjon kbir meta nara r-riżultat finali.

Mit-televiżżjoni u ċ-ċinema, dan l-aħħar rajniek ukoll fuq il-palk. Liem mit-tnejn temmen li jippreżenta l-akbar sfida u liem wieħed ittik l-aktar sodifazzjon?

Bla dubju, l-akbar sfida huwa t-teatru għaliex in-nies tħosshom preżenti miegħek fil-veru sens tal-kelma. Ir-reazzjonijiet tan-nies waqt ix-xogħolijiet teatrali tismagħhom u tarahom dak il-ħin. It-televiżjoni minn naħa l-oħra jsiru jafuk iktar nies. Allura, kemm it-televiżjoni u l-palk ituni sodisfazzjon kbir.

View this post on Instagram

A post shared by Michela Galea (@michelagalea16) on

Is-sena l-oħra gradwajt ukoll fil-drama u bdejt tgħallem dan is-suġġett tant għal qalbek. Xi jfisser li taqsam dak li taf int u dak li tant tħobb u tagħmel b’passjoni mal-ġenerazzjonijiet futuri?

Hija esperjenza ta’ ħlewwa liema bħalha li tara l-istudenti juru potenzjal, interess u imħabba lejn l-arti, dan lili jimlieni b’ferħ biex inkompli nwassal dak kollu li tgħallimt u li naf b’qalbi kollha.

Kelma tal-aħħar, għandek dawn l-affarijiet kollha għaddejin f’ħajtek. Kif issib bilanċ bejn dan kollu? X’tagħmel biex tirrilassa ftit?

Dejjem nipprova nqassam il-ħin biex nagħmel dawn l-affarijiet u b’xi mod jirnexxieli dejjem. Inħossni nirrilassa meta mmur nara xi film, immur it-teatru, nattendi xi kunċert, noħroġ mal-ħbieb u nqatta’ l-ħin mal-familja.


Emil Calleja Bayliss