Minn rapporti varji li qed iduru fil-media jidher li bħala parti mill-bidliet li se jkomplu jseħħu fl-istazzjon nazzjonali PBS, ittieħdet id-deċiżjoni  li minn Ottubru li ġej l-Aħbarijiet u l-programmi kollha tal-ġrajjiet kurrenti mhux se jibqgħu jixxandru fuq TVM iżda se jmorru kollha fuq TVM2, li se jibdel ismu għal TVMNews+.

Il-bidliet ifissru li mill-iskeda li jmiss, meqjusa bħala fost l-aktar importanti fost ix-xandara kollha, l-istazzjon TVM se jibda jxandar biss programmi ta' spettaklu u divertiment. Filwaqt li l-programmi kollha politiċi, dokumentarji, kulturali u sportivi se jibdew jixxandru fuq TVMNews+.

Dan ir-ristrutturar intlaqa' b'reazzjonijiet differenti mill-partiti politiċi hekk kif dan ifisser li d-dibattiti elettorali jaf jitilfu posthom minn fuq l-istazzjon ewlieni tal-PBS u jsibu posthom fuq l-istazzjon 'ġdid' TVMNews+, li se jsir jixbaħ aktar lil stazzjonijiet barranin bħal Euronews, CNN, FOX News, SKY News u RAI news fost oħrajn.

U int x'taħseb? Taqbel ma' dan it-tibdil?


Deo Grech