Bil-ħwienet magħluqin u ħafna avvenimenti posposti, ħafna minna sabu ċ-ċans li jgħaddu l-ħin tagħhom fil-kampanja. Il-mixi fil-kampanja huwa forma ta’ eżerċizzju eċċellenti għal kull età. Joffri benefiċċji għal saħħitna, kif ukoll jgħinna nesploraw iż-żoni mwarrba ta’ pajjiżna.

Però, il-mixi fil-kampanja huwa kemxejn differenti mill-mixi fl-irħula, peress li jinvolvi diversi varjabbli li xi kultant ikunu imprevedibbli. Uża l-pariri li ġejjin biex l-ewwel mixjiet fil-kampanja tiegħek ikunu suċċess.

1. Ibda żgħir u agħżel ir-rotta t-tajba għal-livell ta' saħħa tiegħek

Agħżel rotta li hija ftit iqsar mid-distanza li normalment tista’ timxi fl-irħula. It-tendenza hi li ħa timxi daqsxejn b’pass iktar bil-mod minħabba xi art mħarbta jew telgħat li ma tkunx qed tistenna. Wara li tkun ħriġt darba jew darbtejn, ikollok sens għal liema bidliet fid-distanza u fl-elevazzjoni jaħdmu tajjeb għalik. Trid xi ideat biex issib mixja tajba għall-kapaċitajiet tiegħek? Aqra dwar rotot differenti HAWN.

2. Iffamiljarizza ruħek mar-rotta

Ladarba tkun għażilt rotta, ikseb mappa taż-żona u tiddejjaqx isaqsi daqsxejn opinjonijiet fuq ir-rotta. Hemm xi riżorsi fuq Facebook u online eċċellenti għal min għadu jibda. Sib jekk it-track hijiex ċirku, jew jekk ikollokx terġa' lura jew inkella għandekx bżonn tippjana għat-tieni karozza. Ħu nota ta' kwalunkwe toroq li tista' potenzjalment tieħu xi triq b'oħra. Pjana ukoll għal xi post tajjeb għall-ikel bħal xi quċċata b’veduta. Evita li tgħaddi minn artijiet privati.

3. Iċċekkja t-temp

Iċċekkja t-temp ftit sigħat qabel titlaq għall-mixja. Dan jagħtik tagħrif siewi dwar kif tilbes u x'għandek tippakkja. Fix-xitwa, it-temp ta’ spiss jinbidel fi ftit ħin, u jaf jiddispjaċik jekk ma tkunx ippreparajt ġakketta. Fis-sajf, importanti ħafna li tipprepara biżżejjed ilma biex iservik għall-mixja, peress li ħwienet mhux dejjem tinzerta.

4. Għid lil xi ħadd fejn qed tippjana li se tkun

Huwa importanti li xi ħadd li mhux ħa jkun miegħek fil-mixja, ikun jaf l-itinerarju u tagħtih ħin li għandu jistenna risposta mingħandek li kollox ikun mexxa b’wiċċ il-ġid. Faċli ħafna issib ruħek f’periklu meta tkun fil-kampanja u il-linja tal-mowbajl ma taqbadx minn kullimkien. Il-fatt li xi ħadd ikollu idea 'l fejn tkun mort tista’ tgħin biex l-għajnuna tasal iktar malajr f'każ li jinqala' xi ħaġa.

5. Ippakkja xi ftit affarijiet essenzjali:

  • Navigazzjoni (mappa jew mowbajl)
  • Protezzjoni mix-xemx (nuċċalijiet tax-xemx u brieret)
  • Insulazzjoni (ħwejjeġ żejda)
  • Dawl (headlamp / flashlight)
  • Provvisti tal-ewwel għajnuna
  • Nutrizzjoni (ikel żejjed)
  • Ilma żejjed

Ħafna minn dawn l-affarijiet huma dak li tippakkja għal piknik. Però jaf ssibhom prezzjużi jekk tispiċċa barra għal ħin iktar milli suppost.

6. Ilbes iż-żraben u l-kalzetti t-tajba.

Saqajn bl-uġigħ jistgħu jeqirdulek l-avventura kollha. Investi f'żraben u kalzetti tal-mixi ta' kwalità. Żraben tal-ġiri mhumiex l-aqwa soluzzjoni għal mixjiet fl-imħarbat. Għall-ewwel mixjiet, żarbun li għandek diġà jaf ikun biżżejjed, però, malajr ħa tinduna li hiking shoes magħmul apposta għal dawn l-attivitajiet ħa jkun ħafna aħjar.

Dawn iż-żraben ikollhom grip aħjar, li tgħinek biex ma tiżloqx, kif ukoll ikunu iktar stabbli minn żraben tal-ġiri normali. Diversi mudelli jkollhom ukoll inforra li ma tħallix l-ilma jgħaddi, kif ukoll ċertu mudelli jipproteġuk milli tirwi xi għaksa!

Tinsiex ukoll par kalzetti tajbin. Evita kalzetti tal-qoton, peress li dawn iżommu l-għaraq kollu fihom. Għażel minflok kalzetti tas-suf jew sintetiċi. Peress li din mhux deċiżjoni faċli, Mochika jista’ jgħinuk tagħżel l-aħjar żarbun għal bżonnijiet tiegħek! Idħol HAWN għal aktar informazzjoni.

7. Sib ir-ritmu!

Meta l-ewwel titlaq, tista’ tħossok li qed timxi 'l quddiem bħal eroj. Madankollu, int tispiċċa fix-xejn sal-aħħar tal-ġurnata jekk ma tagħżilx pass li huwa komdu għalik. Minflok, prova agħżel pass li tista’ żżomm il-ġurnata kollha. Għall-ewwel jista’ jħossok ftit skomdu timxi bil-mod, imma wara ftit mili, speċjalment għat-telgħa, tkun kuntent li żammejt l-enerġija tiegħek.

8.Tħalli l-ebda traċċa.

Il-kampanja tagħna tibqa' sabiħa biss jekk nieħdu ħsieba. Ħu l-ħin biex taqra l-Leave No Trace Seven Principles billi tidħol HAWN u segwihom. Huwa f'idejn kull dilettant li jieħu ħsieb l-ispazji naturali tagħna.

Bl-użu ta' dawn il-pariri nispera li toħroġ timxi fil-kampanja f'dan l-istaġun. Fejn se tmur? Ħalli kumment biex taqsam l-ideat tiegħek!


Gwida.mt