Il-Eurovision Song Contest mhux l-ewwel darba li qajjem xi kontroversja u fl-istorja ta’ Malta kienet darba waħda biss li nbidel xi kantant li jkun rebaħ il-festival tagħna. Dan ġara fl-1972 meta Maryrose Mallia kienet daħlet b’żewġ kanzunetti, L-Imħabba u Fejn Tistrieħ il-Qalb. Lil Maryrose kienu qalulha biex tneħħi waħda mill-kanzunetti u b’hekk L-Imħabba għaddiet għand Joe Cutajar, li eventwalment rebaħ il-festival filwaqt li Maryrose ġiet fit-tieni post.

Meta kien qed isir l-arranġament biex tinbidel xi ftit il-kanzunetta, l-organizzaturi riedu jibgħatu mara biex tkanta ma’ Joe Cutajar u lil Maryrose qalulha li hi kienet għadha żgħira biex tmur. Kienu kkummentawlha li kienet tilħaq tmur għall-Eurovision u minflok bagħtu takkumpanja lil Cutajar, lil Helen Micallef li kklassifikat fit-tielet post bil-kanzunetta L-Għasfur taċ-Ċomb.

L-Imħabba ta’ Charles Camilleri u Albert Cassola wasslet biex ikun l-istess Camilleri jidderieġi l-orkestra waqt li l-kummentatur għall-istazzjon nazzjonali kien Norman Hamilton. Il-ġurija għall-Malta kienu Maryrose Mallia bħala persuna taħt il-25 sena kif ukoll Joe Zerafa bħala wieħed li kellu aktar minn 25 sena.

Parentesi żgħira mill-edizzjoni tal-1972 hi, li din ma kinitx l-unika darba li Maryrose Mallia tilfet iċ-ċans li tmur għall-Eurovision. Fl-1990 kienet rebħet il-festival ta’ Malta bil-kanzunetta Our Little World of Yesterday iżda pajjiżna għalkemm kien interessat li jerġa’ jibda jieħu sehem fil-Eurovision, ma kienx laħaq daħal u l-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Eurovision reġgħet bdiet fl-1991.

Lura għall-Eurovision tal-1972 sar fl-Iskozja wara li Monaco ma aċċettawx li jorganizzawh huma l-Eurovision minkejja li kienu rebħuh is-sena ta’ qabel. Għal din l-edizzjoni ħadu sehem erba’ artisti li diġa kienu ħadu sehem f’edizzjonijiet tal-Eurovision. Dawn kienu Vicky Leandros li kienet ħadet sehem għall-Lussemburgu fl-1967, Carlos Mendes li ħa sehem għall-Portugall fl-1968, l-Iżvedizi Family Four li kienu qed jipparteċipaw għat-tieni sena konsekuttiva, kif ukoll Tereza Kesovija li fl-1966 kienet ħadet sehem għall-Monaco, iżda f’din is-sena kienet qed tipparteċipa għall-Yugoslavja. L-Irlanda pparteċipaw b’Ceol an Ghra minn Sandie Jones. Din kienet l-unika darba minn fost it-52 darba li pparteċipaw b’kanzunetta billingwa tagħhom.

F’din l-edizzjoni ħadu sehem 18-il pajjiż u għat-tieni darba konsekuttiva, Malta kklassifikat fl-aħħar post. F’din l-edizzjoni, l-għola punteġġ li Malta kiseb kien dak ta’ sitt punti li ġew mir-Renju Unit filwaqt li l-inqas punteġġ kien ta żewġ punti li ġew minn Spanja, Franza, Norveġja, Żvizzera, l-Awstrija, l-Italja, il-Jugoslavja, il-Belġju u l-Lussemburgu.

Il-Eurovision kien intrebaħ minn Vicky Leandro għall-Lussemburgu bil-kanzunetta Apres Tois. Din il-kanzunetta li twasslet bil-Franċiż kisbet 128 punt, li minnhom Malta kienet ivvutatilhom biss erba’ punti. Ir-riżultat xejn sabiħ għal Malta dak tat-18 u l-aħħar post wassal biex fis-sena ta’ wara, pajjiżna ma pparteċipax waqt li fl-1974 Malta rtirat mill-konkors. F’dik is-sena l-festival Malti għall- Eurovision kien intrebaħ minn Enzo Gusman bil-kanzunetta Paċi Fid-Dinja.

Fortunatament għal Enzo Gusman, meta kien rebaħ ukoll l-edizzjoni tal-1976 Countryboy, Malta kienet irtirat ukoll mill-konkors. Iżda bejn dawn iż-żewġ okkażjonijiet Malta kienet ipparteċipat fil-Eurovision. Dan kien fl-1975 permezz ta’ Renato bil-kanzunetta Singing This Song. Kienet din l-ewwel darba li nqlajna mill-aħħar pożizzjoni, iżda minkejja dan, wara din l-edizzjoni tal- Eurovision, xorta waħda rtirajna mill-Eurovision għal 16-il sena. L-ewwel parteċipazzjoni Maltija wara assenza ta’ 16-il sena kienet permezz ta’ Paul Giordimaina u Georgina bil-kanzunetta Could It Be.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

Instagram / @thepeopleofmalta


Frederick Zammit