Din il-ġimgħa, is-sit Gwida.mt tkellmet mal-attriċi Marvic Cordina, personalità li żgur li ġieli rajtuha f’xi teleserje Maltija. Jekk le, żgur li ġieli smajtuha fuq ir-radju jew inkella rajtuha f’xi dramm fit-teatru.

F’din l-intervista sirna nafu diversi affarijiet ġodda fuq Marvic u anke dwar xi drammi li ħadet sehem fihom u dak li qed taħdem fuqu bħalissa. Irnexxielna wkoll niddubbaw xi ritratti li jmorru lura għall-bidu tal-karriera tagħha! 

 

Marvic qaltilna li meta kienet żgħira xtaqet li tagħmel xi ħaġa li n-nies jibqgħu jiftakruha. Dejjem xtaqet li tkun differenti mill-bqija. Is-soluzzjoni għal din ix-xewqa ma damitx ma sabitha! Dan għax għal kull dramm li kienet tgħidilhom bih l-għalliema, kienet tkun minn ta’ quddiem biex tieħu sehem fih. Qaltilna li ilha tirreċta minn mindu kien għad kellha 7 snin! Mhux ta’ b’xejn hija attriċi bravissima!

 

Din l-attriċi ħadet sehem f’ħafna teleserje lokali, fosthom ‘Santa Monika’, ‘Il-Madonna taċ-Ċoqqa’, ‘Ħbieb u Għedewwa’ u ‘Iż-Żagħka’, li beda jintwera fuq it-televiżjoni lokali minn Ottubru li għadda. Mill-karattri differenti li ħadmet, qaltilna li l-aktar karattru li jibqa’ marbut ma’ qalbha huwa ta’ Zolli f’‘Wenzu u Rożi’.

 

Min-naħa l-oħra hemm karattri oħrajn li jkunu daqsxejn iżjed diffiċli biex jiġu interpretati. Marvic qaltilna li l-iżjed karattru diffiċli biex tinterpreta kien dak tal-awtriċi Sarah Kane, fid-dramm ‘4.48 Psychosis’. Qaltilna li bħalissa qed tieħu sehem f’dramm ta’ Vincent Vella, li jġib l-isem ta’ ‘Wara l-Ħajt’, li se jittella’ fl-24, 25 u 26 ta’ dan ix-xahar.

 

Marvic mhux biss hija attriċi, imma taħdem fir-radju wkoll. Ftit xhur ilu kienet tagħmel il-programm ‘Kemm Inħobb’ fuq ir-radju. Dan il-programm kienet tieħu gost tagħmlu għax kull ġimgħa kienet tiltaqa’ ma’ nies differenti, b’passjonijiet varji. Bħalissa qed tagħmel il-programm ‘Staqsini Blaff’, li wkoll qed tieħu gost tagħmlu ħafna. F’dan il-programm qegħdin seba’ atturi, fejn jimprovizzaw xeni u karattri fittizji b’mod komiku għall-aħħar.

 

Tajjeb inżidu wkoll li, apparti dawn iż-żewġ irwoli tant għal qalbha, Marvic taħdem ukoll il-bank. Meta tlabna lil Marvic biex tgħaddi messaġġ lil dawk in-nies li dejjem xtaqu jagħmlu xi ħaġa għal qalbhom, imma għal xi raġuni jew oħra, qatt ma sabu ċ-ċans, qaltilna, “huwa importanti ħafna li l-bniedem iwettaq dak li joħlom."

Kompliet tgħid, "L-arti hija espressjoni tar-ruħ. Il-kreattività tagħtik l-enerġija biex tibqa’ għaddej. L-espressjoni tar-ruħ tajjeb li wieħed isegwiha b'mod jew ieħor. Għaldaqstant nipprova nsib ħin għalija għax dak li nħobbu, irridu nesperjenzawh, inkella immutu!”


Yasmin Camilleri