Il-Ministru Evarist Bartolo dalgħodu sellem lill-ħabib tiegħu. Ħabib tal-qalb. Hu kitiblu status twil fuq il-paġna tiegħu biex iroddlu ħajr u jsellimlu għal kulma għamel miegħu tul dawn is-snin kollha.

Il-Ministru kiteb, "Kont naf li xħin se nixgħel il-mobile filgħodu se nsib il-kliem li sibt: 'Bonġu Varist. Victor ħalliena.' Xorta l-kliem ħasadni u tħawwadt u tbikkimt. Kmieni filgħodu fid-9 ta’ Novembru kont sibt il-messaġġ mingħand Mario, il-ħabib komuni tagħna: 'Aħbar antipatika – Victor Fenech qiegħed l-isptar bil-Covid.'"

Hu jkompli jgħid, "U bqajna kuljum niskambjaw messaġġi dwar l-agunija tiegħu sakemm kull sforz biex isalvawh falla u Victor spiċċa wieħed mill-113 mid-9004 li qabadhom il-Covid u mietu. Meta jmut xi ħadd tal-qalb, l-istatistika tal-infezzjonijiet u l-mewt bil-Covid ma jibqgħux numri u fil-bogħod."

"It-tifkiriet sempliċi ta’ waqtiet ma’ Victor: fenkata taħt il-ħarruba fl-għalqa l-Għadira. Platt minestra u platt ħobż biż-żejt u l-ħabaq u tazza birra u grokk whisky (iżjed minn tazza waħda u iżjed minn grokk wieħed). Fl-aħħar 28 sena min jaf kemm terraqna fir-raħal tal-Mellieha, xemx u xita, jeħodni għandi xi familja li tixtieq tkellimni. Min jaf kemm ghamilli gid tul dawk is-snin isisti kemm jiflaħ biex inżid fil-voti. Ħabbni, għenni u ħadimli iżjed milli kien jistħoqqli."

Hu jirrifletti u jgħid, "Qasmuli qalbi l-messaġġi li bagħatli ibnu Antoine x’kien jgħidlu dwari: li kont il-mimmi t’għajnejh u kliem ieħor bħal dan: 'Imma ma kienx jaf juriha. Skużani qiegħed ngħidhomlok dawn il-kliem, ida ridt nehlishom.'"

Hu jkompli jiddeskrivi lil Victor u l-modi differenti kif kien jgħinu. Il-mumenti sbieħ li qattgħu flimkien sa minn meta kien tifel! Hu jiddeskrivi kemm kien maħbub ma' kulħadd u anke meta spiċċa kellem lil ġenituri tiegħu li kinux daqshekk konvinti mill-għażla tat-triq tal-politika.

Hu jagħlaq il-messaġġ tiegħu, "Issa strieħ Vic. Għalkemm kieku tista’ tkellimni, aktarx taħtafni għal dan il-kliem għax żgur xtaqt tgħix iżjed."


Emil Calleja Bayliss