Kien eżatt għaxar snin ilu li ttellgħet għall-ewwel darba l-maratona Hope MissioFest fuq l-istazzjonijiet tal-televiżjoni lokali għal tnax-il siegħa sħaħ. Dan wara li Missio Malta ħass il-bżonn li jkompli jżid filli jagħti tama lil dawk il-persuni fl-artijiet tal-missjoni. Festa fejn ningħaqdu lkoll flimkien, u nidħlu fid-djar tan-nies biex inqajmu għarfien dwar persuni anqas ixxurtjati filwaqt li nuru l-proġetti li diġà twettqu u li għad iridu jitwettqu minn Missio.

Matul is-snin, bil-fondi miġbura mill-maratona, mill-Ġurnata Missjunarja u minn diversi attivitajiet oħra li jiġu organizzati matul is-sena, Missio rnexxielu jisponsorja għexieren ta’ proġetti li huma mferrxin fil-kontinenti kollha u jinkludu fost oħrajn, irziezet, skejjel, kliniċi u spieri. Permezz ta’ dawn il-proġetti qed jibbenefikaw komunitajiet sħaħ u mhux biss individwi. Din is-sena Missio se jiffoka l-għajnuna tiegħu fi proġetti fil-Kontinent Afrikan.

 Din is-sena Missio għażel it-tema ’Il Quddiem bit-Tama, fi żmien meta d-dinja għaddejja minn sfidi kbar. Għalhekk, iktar minn qatt qabel jeħtieġ ningħaqdu ma’ ħutna madwar id-dinja u nkunu għalihom ta' tama f’din is-sena speċjall tal-Ġublew tat-Tama kif imniedi mill-Qdusija Tiegħu Papa Frangisku. Bl-għajnuna tiegħek, irridu nagħtu tama lil Mary, omm kuraġġuża li taħdem bla heda għall-futur taż-żewġ wliedha. Minkejja d-diffikultajiet li tħabbat wiċċha magħhom, Mary determinata li tagħtihom ħajja aħjar, ħajja li toffri aktar minn dak li qatt rat hi stess. Madankollu, il-ħolma ta' futur aħjar tibqa' sfida kbira. 

Mary u l-komunità tagħha ilhom jaħdmu biex jibnu skola, iżda minħabba problemi finanzjarji, ma jistgħux itemmuha waħedhom. Fil-fatt, ippruvaw jiġbru l-fondi meħtieġa billi biegħu l-bhejjem tagħhom u kabbru l-uċuh tar-raba, iżda s'issa l-isforzi tagħhom ma kinux biżżejjed. ll-klassijiet li fihom jitgħallmu wliedhom bħalissa huma mibnija mit-tajn, u jilqgħu fihom ’l fuq minn 40 tifel u tifla f’kull waħda. Minkejja dawn il-kundizzjonijiet il-ġenituri determinati li jagħtu edukazzjoni lil uliedhom, għax jafu li din hija l-unika ċavetta għal futur aħjar.

 L-isfidi ma jiqfux hemm. Ħafna tfal f’din il-komunità ma jistgħux imorru l-iskola għax qed ibatu minn malnutrizzjoni. Il-knisja bdiet tkabbar il-qamħ biex it-tfal ikollhom x'jieklu. Din l-inizjattiva għenet biex aktar studenti jattendu l-iskola, però xorta waħda baqa' xi jsir. Il-komunità qed tiffaċċja kriżi serja ta' ilma. It-tfal ta' spiss ikollhom jimxu distanzi twal biex iġibu ilma mhux daqstant nadif, u meta jkollhom jixorbu minn sorsi mhux indaf, ħafna minnhom jimirdu, spiss b'mard bħat-tifojde.

Il-missjoni ta’ Missio Malta hija li jġib tama lil dawn in-nies, għax jemmen li kull persuna jixirqilha tgħix b'dinjità u b'tama għal futur ahjar. Mary u l-ġenituri l-oħra qed ikomplu jirsitu għall-ħolma tagħhom ta' skola sabiħa u akkoljenti għal uliedhom, iżda ma jistghux itemmu l-proġett mingħajr l-appoġġ tiegħek.

 Għalhekk qed nirrikorru għandek għax niddependu fuq il-ġenerożità tieghek biex inkunu nistgħu nerġgħu nagħtu l-ħajia lil dan il-proġett tal-iskola. Inħeġġuk tkunu parti mill-Maratona Hope MissioFest, billi tgħin lil dawn ħutna fil-missjoni bl-aħjar b’mod possibbli. Segwi l-maratona fuq wieħed mill-istazzjonijiet tat-televiżjoni Maltin, nhar is-Sibt 15 ta’ Marzu bejn il-11:00 u l-23"00, fejn tista’ tikseb aktar informazzjoni, tisma’ u tara aktar stejjer, u fl-istess ħin tagħti d-donazzjoni tiegħek. Agħmel kuntatt magħna jekk tixtieq tgħin. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn ‘Facebook’ jew fuq 2123 6962.


Gwida.mt