Evarist Bartolo ta' kuljum jaqsam ċertu ħsibijiet interessanti. Ħsibijiet li forsi xi wħud minnha ġieli ħasbuhom ukoll. L-eks Ministru jgħid, "Id-demokrazija parlamentari qed tiffaċċja sfidi serji kull fejn teżisti fid-dinja. Dmirna li nagħmlu li nistgħu biex l-affarijiet ma jsirux agħar u naħdmu biex intejbuhom. Kwistjoni sensittiva f’kull pajjiż demokratiku hi r-rabta bejn il-flus u l-politika."

Hu jżid, "Għandna bżonn lill-politiċi biex jaħdmu għall-ġid tal-poplu. Għandna bżonn lin-nies tan-negozju biex joħolqu l-ġid u x-xogħol. Waqt li jaħdmu id f’id hemm bżonn is-separazzjoni bejn l-istat u n-negozju, bejn in-nies tal-politika u n-nies tal-flus. Meta jitħalltu, kemm il-politika kif ukoll in-negozju jħassru lil xulxin."

Fir-riflessjoni tiegħu hu jkompli jgħid, "Dmir l-istat u l-politiċi hu li jgħinu joħolqu kundizzjonijiet u klima tajbin għall-ħolqien tal-ġid u x-xogħol. Imma ssir ħafna ħsara jekk nies tal-flus jaħtfu l-istat u jinqdew bil-politika għall-interessi personali tagħhom. U fejn l-istat u l-politiċi jħallu n-nies tal-flus jiddominaw u jmexxu, ikun hemm biss kabinett, parlament tal-faċċata, tal-qoxra u l-ħajja politika ssir irkant u negozju."

Fl-aħħar hu jagħlaq punt importanti, "It-tempju tad-demokrazija jsir għar tal-ħallelin u iżjed nies jitilfu l-fiduċja fil-politika għax jarawha għodda f’idejn nies b’saħħithom. Kristu keċċa l-ħallelin mit-tempju. Ma waqqax it-tempju. Nies serji u onesti fil-politika u fin-negozju jistgħu jaħdmu flimkien għall-ġid komuni imma fl-oqsma separati tagħhom u mhux billi jħalltu u jaqsmu."

X'taħsbu dwar dan?

Facebook / Evarist Bartolo


Emil Calleja Bayliss