Andreana DeBattista, żgur li wiċċ li t-telespettaturi jafu sew. Wiċċ li l-qarrejja ta' Gwida.mt huma familjari miegħu.

Lil Andreana rajnieha tikkompeti fil-Malta Eurovision u tul dawn l-aħħar snin rajnieha tippreżenta Min Imissu!? u FitAM ukoll. Żewġ programmi differenti għalkollox minn xulxin imma juru kemm hi versatili Andreana.

Andreana waħda minn dawk li tħobb verament il-Milied u minn kliemha ħa tindunaw kemm hi tassew għandha għal qalbha dawn il-festi! L-ispirtu tal-Milied jidher li tħossu verament u jgħin sabiex toħroġ it-tifla ta' ġo fiha!

Andreana, int waħda minn dawk li tħobb il-Milied jew le? Għaliex?

Personalment il-Milied inħobbu immens! Minn mindu kont żgħira, minn dejjem kont nistennieh bil-ħerqa dan iż-żmien. Għalija l-Milied huwa okkażżjoni biex ngħaddi iktar ħin mal-familja u l-ħbieb li veru nħobb. Fi żmien il-Milied qisu kulħadd isib skuża biex jiċċelebra lil xulxin.

Naf li hemm ħafna nies li ma jimpressjonahomx il-Milied, imma għalija minn dejjem kien żmien speċjali....dawk il-kuluri, dawk id-diski li qisek tixba minnhom sa ma jasal Jannar, imma xorta tieħu gost tismagħhom meta jerġa' jasal Novembru.

X’jogħġbok l-iktar f’dawn il-festi u x’inhu s-sinifikat tal-Milied għalik?

Meta jasal żmien il-Milied, min jafni sew jista' jgħidlek li Andreana issir ftit iktar tifla mis-soltu. Jiena nista' ngħid li qatt ma ħlist minn dawk l-emozzjonijiet ta’ meta kont tifla żgħira, pereżempju li nħobb nitfissed, li nħobb ngħaddi ż-żmien mal-familja, li nħobb it-tiżjin u l-attivitajiet tradizzjonali.

Meta jasal il-Milied inħossu jagħtini skuża biex nerġa' nsir tifla u nerġa' nħoss dawk l-emozzjonijiet ta’ meta kont żgħira.

Kif tippreferi li tqatta’ l-ġurnata tal-lum?

Bla dubju ta’ xejn għalija ma hemm xejn iktar importanti mill-familja. Għalija l-isbaħ mod li ngħaddi l-ġurnata huwa sempliċi ħafna: Inqum filgħodu u nieħu belgħa te u xi biċċa Christmas log, immur il-quddies imbagħad dritt għand ommi u missieri għall-ikla tradizzjonali tal-Milied. Filgħaxija nintefa' quddiem it-televiżjoni biex nara xi film tal-Milied li xbajt nara.

Ir-rigali tħobb tagħtihom jew tħobb tirċivihom l-aktar? Hemm xi ħadd li hu ferm diffiċli biex tixtrilu rigal?

Inħobb ħafna nagħżel ir-rigali għan-nies li nħobb. Nibda minn ħafna żmien qabel naħseb x’ħa nixtri. L-iktar persuna diffiċli biex nixtrilu rigal hu missieri għax qatt ma nkun naf x’għandu f’moħħu li jixtieq. Imma nammetti li nħobb ħafna nirċievi r-rigali wkoll.

Liem kien l-iktar Milied li tiftakar? (Kemm kellek żmien u għaliex?)

Għandi memorji sbieħ ta’ ħafna minnhom imma darba waħda partikolari, ftit jiem qabel il-Milied kien ċempel il-bieb u kien in-nannu tiegħi li bħala sorpriża ġabilna siġra tal-Milied li kienet tant kbira li ma setgħetx tgħaddi mill-bieb.

Meta rnexxielna ndaħħluha ġewwa u rnexxielna nqegħduha dritta waslet kważi sal-kamra tal-bejt u kellna noqogħdu nduru mat-taraġ biex inżejnuha. Ħasra li dak iż-żmien ma kienx hemm smart phones għax konna nimlew facebook bir-ritratti!

Andreana tagħlaq bil-ħsieb, "Nixtieq nawgura Milied mill-isbaħ lill-qarrejja kollha ta’ Gwida u ovvjament sena mimlija saħħa u ġid lil kulħadd."


Emil Calleja Bayliss