Charlene Shead tkellmet mat-tim ta’ Gwida dwar esperjenza li għaddiet minnha, u x’taħseb fuq meta tiġi diskriminata.

Charlene fetħet billi qalet li “qed ngħixu f’realtà fejn avvanzajna ħafna fejn jidħlu drittijiet, iżda donnu l-Malti ma jitgħallem qatt; irridu niġġudikaw mill-apparenza, meta fl-aħħar minn l-aħħar bħal ma jgħid il-Malti, ‘l-apparenza nganna.’”

“Jien omm ta’ 2 subien, għandi t-tpinġija, li għalija kull biċċa għandha sinifikat importanti ħafna. Xagħri qasir, inħobb inbiddel ħafna kuluri, u għandi stil naqra differenti, għaliex inħobb ħafna l-moda. Ħafna drabi nħossni li niġi diskriminata minħabba f’hekk. Minflok napprezzaw id-diversità, inħarsu lejha bħala xi ħaġa ta’ barra minn hawn, qisu bilfors kulħadd irid isegwi xi normalità partikolari. Jien bniedma li nħobb dak li hu oriġinali, differenti, u li ma jogħġobx lil kulħadd. Għandi stil għalija li jien inħossni komda bih.”

“Ħafna drabi niġi mċaħħda opportunitajiet fejn tidħol moda, għalkemm għandi 20 sena esperjenza. Għax jien differenti. Għalkemm għandi t-tul, li għal Maltija mhux faċli ssib, xorta jaraw l-apparenza biss. Ix-xoghol l-istess. Għax jarawk fuq ruħek, irrilevanti għax għandek l-esperjenza.”

“Għalfejn ser nibqgħu injoranti? Meta ħa nitgħallmu ma nippuntawx subgħajna?Persuna trid ittiha ċ-ċans turi l-identità tagħha u l-kapaċitajiet tagħha qabel toħroġ b’konkluzjoni, umbagħad iva, iġġudika, mhux problema, iżda b’responsabiltà, għax il-kliem jaf iweġġa ħafna, għaliex int ma tkunx taf dik il-persuna minn xiex għaddiet jew minn xiex inhi għaddejja.”

Charlene għalqet l-intervista billi qalet “ejja nitgħallmu nkunu solidari ma’ xulxin bla preġudizzju, għax kieku ngħixu f’dinja ħafna aħjar.”

Favebook / @Charlene Shead


Nicole Zammit