Fuq il-programm televiżiv Prime Time ippreżentat minn Owen Bonnici, żewġ mill-mistednin kienu l-kantanta Corazon Mizzi u n-nannu tagħha Leli li llum il-ġurnata wasal biex jagħlaq 86 sena!

L-aħħar album li ħarġet Corazon, li jismu Għall-Bejgħ, iddedikatu lin-Nannu Leli u spjegat għaliex. “Jien ommi u missieri tgħuni trobbija iktar moderna. Moħħhom miftuħ ħafna, trabbejt nafhom jaħdmu. Imma n-nanna u n-nannu kienu ħafna iktar konservattivi. Għexu dejjem ġo raħal u setgħu ituni dak l-ambjent ta’ familja estiża u dawk il-valuri tal-antik illi li kieku ma kienx għalihom, ħafna mill-kanzunetti tiegħi ma kontx niktibhom.”

In-Nannu Leli tant hu kburi b’Corazon li anke mug tat-tè għandu tagħha! “Meta naħslu jien ma namlux rasu l-isfel - mela se nħalliha rasha ’l isfel?!” qal Leli. Lil Corazon Leli għallimha kif tgħum, kif issuq il-karozza u meta kienet żgħira kien anke jagħmillha l-isfidi. Fil-fatt hi tgħidlu li ġiet intelliġenti tixbaħ lilu.

Jien lil Leli wisq iggustajtu jien u nara l-intervista. Kellu bżonn kulħadd ikollu nanniet ħelwin daqs kemm hu ħelu n-Nannu Leli!

Facebook/Owen Bonnici


Nicole Barbara