Markle u Middleton – żewġ kunjomijiet li meta jintqalu apparti jqanqlu xbieha qawwija tal-Familja Rjali Brittanika. Tgħidhom flimkien, però, u x-xbieha li tiġi fil-moħħ aktarx tkun waħda ta’ drama u tensjoni. Għaldaqstant, id-dukessi rispettivi ta’ Sussex u Cambridge llum dehru jmorru kontra dan is-seksik, hekk kif it-tnejn li huma mhux biss attendew match tat-tennis flimkien, iżda bilqiegħda ħdejn xulxin iċapċpu u jiċċaċċraw.
Press Association
Iż-żewġ aħwa tar-rispett, ilkoll entużjasti ta’ dan l-isport, jidhru kollhom tbissim u daħk waqt li jsegwu l-logħba bejn Serena Williams u Simona Halep, bħala parti mill-finali tal-qasam Women’s Singles matul il-kampjonat ta’ Wimbledon ta’ din is-sena. Magħhom hemm preżenti wkoll Pippa, oħt Kate.
Press Association
Bosta kliem u diskors dwar ir-relazzjoni attwali bejn Meghan u Kate kien qed jantiċipa din il-laqgħa tal-lum, u fomm in-nies kien miżgħud bid-dubji dwar kemm verament jingwalawha. Minkejja s-suspetti mqanqla mill-midja, għandna xi ngħidu li r-relazzjoni bejniethom tidher tajba u stabbli... imqar għal-lum biss, insomma!
Taħsbu li dan aġir ġenwin min-naħa tagħhom, jew kollu taparsi biex jevitaw il-kontroversja?
REX / Shutterstock; Press Association