Maxine Pace llum stabilixxiet ruħha fix-xena mużikali u l-mużika tagħha tattira eluf ta’ segwaċi. Bħalissa għaddejja b’xogħol fuq materjal ġdid u pruvajt nitkixxef xi ftit aktar. Matul din il-konversazzjoni Maxine ma titkellimx biss fuq din is-silta ġdida, jew l-album, iżda wkoll dwar iż-żmien li kienet l-iskola, titkellem dwar il-mama’ tagħha, u wkoll dwar ir-relazzjoni tagħha ma’ oħtha Ella kif ukoll tiżvela bosta kurżitajiet oħra.

Maxine, f’qasir żmien se tkun qed toħroġ silta mużikali ġdida. X’tista’ tiżvela dwar din il-kanzunetta?

Bħalissa għaddejjin fuq l-aħħar fażi tal-vidjow u ma nixtieqx niżvela l-isem tal-kanzunetta però din se tkun waħda mis-siltiet l-iżjed favoriti tiegħi mill-album li se nniedi għaliex apparti li għandha stil għal qalbi ħafna, għandha wkoll messaġġ li kważi kulħadd jista jirrelata miegħu. Mhux dejjem se nikkuntentaw lil kulħadd b’dak li nagħmlu, iżda għandna nagħmlu dak li jogħġob lilna billi qatt ma’ naqtgħu qalbna b’dak li jgħid ħaddieħor. Dan huwa fil-fatt il-messaġġ ta’ din is-silta li hi tant għall-qalbi.

Qiegħda wkoll taħdem fuq album ġdid. X’tip ta’ kanzunetti għandna nistennew f’dan l-album?

Dan l-album ilni naħdem fuqu għal kważi sena u nofs u kull kanzunetta tikellem fuq sitwazzjoni differenti u wkoll ħafna minnhom għandhom stil differenti li jirreflettu l-emozzjonijiet differenti li għaddejt minnhom. Jiena u Matt Muxu Mercieca ktibna l-lirika, u peress li ilna ħbieb, jafni ‘inside out’.

Tul is-snin kif rajt il-karriera tiegħek tiżvolġi?

Tul is-snin, tgħallimt ħafna affarijiet dwar din l-industrija u dwari, madanakollu għad baqgħali ħafna iżjed x’nitgħallem u ħafna iżjed affarijiet li nixtieq nagħmel bil-karriera. Dan nixtieq li jkun biss il-bidu, imma kollox b’ħafna iżjed ħidma u kull ħolma li jaspira għaliha dejjem se tkun iżjed diffiċli. Meta kien għad għandi sitt snin u bdejt b’kors tal-kant kelli bosta ħolm li nista’ ngħid irnexxieli nasal però qatt mhu biżżejjed u dejjem taspira għal iżjed.

L-iktar mument li tgħożż fil-karriera tiegħek?

Apparti li ktibt l-album li kienet probabbli l-isbaħ esperjenza ta’ ħajti, il-palk inħobbu ħafna wkoll u ikbar ma tkun l-udjenza. Allura nista’ ngħid li esperjenzi bħal Io Canto, Ti Lascio Una Canzone kif ukoll il-Malta Eurovision Song Contest kienu mumenti li nibqa’ niftakar għal dejjem. Anki l-fatt li kont nara dik it-tbissma fuq wiċċ il-mamà meta kienet tagħmel minn kollox biex tarani mis-sit ta’ quddiem nett, ma ninshom qatt.

Kellek xi diżappunti fil-karriera tiegħek? U jekk iva, kif irnexxielek tegħlibħom?

Naħseb li kulħadd ikollu id-diżappunti tiegħu fejn tgħid li stajt għamilt xi ħaġa oħra biex tkun aħjar, jew tippretendi xi ħaġa li ma tkunx hi, però ma naħsibx li qatt kienu diżappunti imma iżjed ħadthom bħala tagħlima sabiex nikber fija u fil-mużika tiegħi.

F’Diċembru ħriġt is-silta Thunder li kienet kanzunetta dedikata għall-mamà tiegħek Sabina. Din is-silta kienet pjuttost waħda emozzjonali. Liema huma l-isbaħ memorji li għandek tal-mamà li dalwaqt se tagħlaq sentejn li ħallietna?

Il-mamà kienet persuna li tagħmel minn kollox għalija kif ukoll għall-familija kollha. Kellha qalbha tad-deheb, li kull min kien jafha jista’ jaċċerta, u għalhekk minn dejjem kienet l-iżjed persuna li tant nammira. Sentejn ilu kien l-agħar żmien ta’ ħajti fejn tliftha fi żmien qasir ħafna u tant kien xokk għall-familja kollha li ovvjament iddum sakemm tirrealizza x’veru kien ġara. Fil-fatt sena wara stajt nesprimi dak kollu li ħassejt fuq is-sitwazzjoni, u l-emozzjoni ħarġet bl-iżjed mod ċar, f’Thunder. Mal-mamà ngħożż kull mument li kelli u ma kelli l-ebda diżżapunt li ma gawdejtiex biżejjed.

Qabel din il-kanzunetta kont ħriġt oħra, Earthquake, li mill-ewwel marret tajjeb tant li fuq YouTube. Kont qed tistenna din ir-reazzjoni qawwija għal din il-kanzunetta?

Earthquake kienet fil-fatt l-ewwel silta li ħriġt mill-album allura ovvjament kelli ħafna eċitament sabiex nara kif se tolqot lin-nies. Kont wiefqa milli noħroġ il-materjal għal xi sena, apparti li kont ħriġt xi covers mir-Rooftop Sessions u dan għaliex konna qegħdin naħdmu fuq l-album.

Għandek ukoll oħtok, Ella. Kif tiddeskrivi r-relażżjoni tiegħek magħħa?

Iva, jien u Ella fil-fatt għandna karattri totalment differenti għaliex għal kontra tiegħi Ella hi kemxejn riservata. Madankollu, apparti l-argumenti żgħar ’l hemm u ‘l hawn li kulħadd ikollu mal-aħwa, naqblu ħafna u nħobbha wisq tant li nispiċċa naħseb u newden fuqha l-ħin kollu biex żgur tkun kuntenta u jkollha dak kollu li tixtieq f’ħajjitha.

Niffukaw ftit fuqek. Kif tiddeskrivi l-ġurnata normali tiegħek?

Il-ġurnata tiegħi hija kemmxejn mifqugħa ħafna mid-drabi. Nipprova nlaħħaq mal-Università, mal-karriera tal-kant u kif ukoll mal-familja u mal-ħbieb.

X’aspirazzjonijiet għandek għall-ġejjieni fil-karriera tiegħek?

L-ewwelnett qegħda veru ferħana li se noħroġ l-ewwel album tiegħi u eċitata ukoll biex nibda nikteb materjal ieħor ġdid wara dan. Il-mużika oriġinali ttini ħafna motivazzjoni u nixtieq li l-messaġġi li ngħaddi eventwalment jinstemgħu mad-dinja kollha, u din hija probabilment l-ikbar xewqa li għandi wkoll.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

Instagram / @maxine_pace


Frederick Zammit