Wara diversi xhur ta’ stennija, il-ġisem ta’ Marzia Calleja Maatouk, li nstabet mejta fil-Libja, ġie finalment ripatrijat lejn Malta u b'hekk il-funeral tagħha se jsir għada s-Sibt fis-8:00 fil-Knisja ta’ San Filippu, Ħaż-Żebbuġ.
Marzia, ta’ biss 26 sena, kienet instabet mejta f’Mejju li għadda wara li kienet ħarbet minn Malta flimkien ma’ żewġha, Jomic Calleja. Żewġha u hi kienu fuq il-lista tal-aktar nies imfittxija f’Malta. Ir-raġel tagħha Jomic eventwalment ġie arrestat, iżda kien tard wisq biex tiġi salvata Marzia.
Fl-aħħar xhur, ħuha Marvin Zammit ħadem bla heda, flimkien ma’ sħabu, biex jiżgura li l-ġisem tagħha jiġi lura Malta. Dan sabiex tingħata t-tislima finali kif jixraqilha f’art twelidha, fost il-familja u l-għeżież tagħha.
Ħuha jappella biex min jixtieq jilbes ir-roża, li kien il-kulur favorit ta' Marzia, jista' jagħmel dan għall-aħħar tislima tagħha.