Maria Muscat Il-Barokka ma tantx għandha bżonn ta' introduzzjoni rajnieha kemm bħala kantanta, kemm bħala preżentatriċi u anke bħala ġurnalisti. Aħna kellna ċ-ċans li nitkellmu ftit ma' Maria u staqsejnieha dwar dawn it-tliet irwoli f'ħajjitha u wkoll dwar it-tfal li nafu li huma tant u tant għeżież għaliha!

Minn barra t-tfal, il-familja hi xi ħaġa li Maria tgħożż. Hi taqsam magħna kemm il-mewt ta' ommha ma kinitx waħda faċli għax tħoss li l-ġenituri huma dawk li verament jagħmlu l-familja kompluta.

Kantanta, preżentatriċi jew Ġurnalista? Liema tippreferi?

Jiena qabel kollox ġurnalista, imma l-kant jgħini ħafna nkun iktar qrib in-nies. Jien f’kull ma nagħmel nipprova ntaffi ftit mit-tbatija, anki bil-kant, nipprova nferraħ lin-nies, għax il-ħajja mhix faċli.

Xi tfittex l-aktar mill-ħajja?

Li nkun dejjem qrib uliedi, għaliex għalihom ngħix u nagħmel ħilti biex inqatta’ ħin magħhom. Ix-xogħol huwa mportanti għaliex bih inġib il-ħobża ta’ kuljum, imma mportanti ħafna li nqatta’ ħin magħhom, inkun hemm għalihom, u kemm jista’ jkun nidħqu u nifirħu flimkien għaliex il-ħajja qasira wisq.

Il-familja għalik xi tfisser? Issib ħin għal kollox?

Il-familja tfisser kollox għalija. Uliedi, Aaliyah u Alicia huma kollox. Mingħajrhom ma nistax ngħix. Inħobb ukoll lil ħuti Brian u lil oħti Lara li għalija Lara qisha binti mhux oħti biss, għax hemm tmien snin bejnietna. Sfortunatament aħna tlifna lill-mama u papa daqs għaxar snin ilu, u mhux faċli niddiskuti s-suġġett ‘familja’. Mingħajr omm u missier qisek tgħix b’nofs qalb.

L-isbaħ u l-għeżeż mument ta’ ħajtek s’issa.

Meta sirt omm. L-isbaħ mument għal dejjem.

X’jirrilassa u jagħmel ferħana lil Maria?

Ikla tajba, u film tajjeb, l-iktar meta nkun id-dar, fil-kwiet ma’ wliedi, b’xi platt tajjeb quddiemi, u saqajja mgħollija fuq is-sufan.


Clifford Galea