Nhar is-Sibt, 29 ta’ Marzu, fl-10:00, koalizzjoni ta’ għaqdiet qed tistieden lill-pubbliku għat-tnedija tal-kampanja Manoel Island: Post Għalina, li tappella għal park pubbliku fuq Manoel Island minflok żvilupp privat.

Il-kampanja qed tressaq Petizzjoni Parlamentari biex il-gżira ssir spazju miftuħ għal kulħadd, minħabba l-impatt ambjentali u soċjali f’żona urbana b’densità għolja. Bħalissa, il-kuntratt tal-iżvilupp qed jiġi nnegozjat mill-ġdid, u din hija opportunità unika biex jinbidel id-destin ta’ Manoel Island.

Jekk Manoel Island issir park pubbliku, ikun pass kbir fid-direzzjoni t-tajba, għall-kwalità tal-ħajja, għall-ambjent, u għall-ġenerazzjonijiet futuri. Dan huwa l-uniku ċans li għandna biex insarrfu din il-ħolma f’realtà u nagħtu nifs ġdid lil Malta.

L-attività se tkun mument ta’ għaqda fejn familji, komunitajiet u attivisti jitolbu għal deċiżjoni li tirrifletti l-bżonnijiet tan-nies. Għal aktar informazzjoni u biex tiffirma l-petizzjoni: https://parlament.mt/en/petition?id=257.


Gwida.mt