Għal żmien twil, Malta kienet maħkuma mill-barrani. Wara l-ħakma mill-Feniċi, il-Kartaġiniżi, ir-Rumani, il-Biżantini, l-Għarab, in-Normanni, l-Anġuvini u l-Aragoniżi, ġew il-Kavallieri ta’ San Ġwann u ħadu f’idejhom it-tmexxija ta’ Malta.

Wara ħakma ta’ 250 sena, Malta nħakmet mill-Franċiżi għal-sentejn. Wara li telqu l-Franċiżi, Malta saret kolonja Brittanika. Fil-lejl ta’ bejn l-20 u l-21 ta’ Settembru tal-1964, il-bandiera ta’ Malta xxejret fil-Floriana. Malta kienet saret pajjiż indipendenti.

B’hekk din il-ġurnata hija kkunsidrata waħda mill-ħames festi nazzjonali ta’ Malta. Il-21 ta’ Settembru tikkommemora l-ġurnata li Malta saret pajjiż indipendenti mill-Gran Brittanja. U llum, Malta tagħlaq 55 sena bħala pajjiż indipendenti!

Din il-ġurnata, bħal diversi festi oħra, tiġi ċċelebrata bil-kbir fil-gżejjer Maltin. Fil-fatt bħal-lum, tara diversi parati, festivals, avvenimenti kulturali u mużikali, fost l-oħrajn. Minn sena għal oħra l-attivitajiet ivarjaw, iżda dejjem jiġi organizzati xi avveniment jew ieħor!


Yasmin Camilleri