Malta Public Transport se tkun qed tipprovdi servizzi speċjali għall-avveniment Notte Bianca nhar is-Sibt, 5 t’Ottubru 2024. Is-servizz ta’ din is-sena ġie ristrutturat b’rotot addizzjonali li jkopru postijiet ewlenin madwar il-gżira.
Minbarra s-servizzi regolari ta’ matul il-lejl (N13, N48, N62, N82, u N91), numru ta’ rotot speċjali se jkunu disponibbli matul il-lejl. Ir-rotta S10 se tgħaqqad Raħal Ġdid ma’ Kalkara, tgħaddi mill-Isla u Bormla, filwaqt li r-rotta S12 se tgħaddi mill-Imsida lejn Buġibba, b’waqfiet fi San Ġiljan, Pembroke, Baħar iċ-Ċagħaq, u l-Qawra. Dawk li jivvjaġġaw lejn iż-żoni ċentrali jistgħu jagħmlu użu mill-S13, li tmur lejn l-Imsida, il-Gżira, Tas-Sliema, u San Ġiljan b’servizzi frekwenti joperaw matul il-lejl.
Rotot oħra se jipprovdu konnettività għar-reġjuni tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar, bħall-S20, li tmur lejn il-Għargħur u tgħaddi minn Tal-Qroqq u San Ġwann, u l-S40, direzzjoni lejn Birkirkara, Ħal Lija, Ħal Balzan, il-Mosta, u l-Imġarr. Vjaġġaturi li sejrin lejn Triq il-Kosta jistgħu jużaw l-S41, li taqdi lil San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, u ċ-Ċirkewwa. L-S42 se tmur lejn Triq il-Wied f’Birkirkara u l-Mosta, filwaqt li l-S47 se tipprovdi aċċess għal diversi lokalitajiet fosthom Birkirkara, Ħal Lija, l-Iklin, in-Naxxar, u l-Mosta.
Barra minn hekk, rotot bħall-S51 u S52 se jgħaddu minn Fleur de Lys u jkomplu lejn ir-Rabat u Ħad-Dingli, rispettivament, filwaqt li servizzi bħall-S61 u S62 se jmur lejn il-Ħamrun, Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, u Kandlora. Rotot bħal S71 u S72 se jkopru Ħal Luqa, iż-Żurrieq, il-Qrendi, u rħula oħra fil-qrib. Ir-rotta S80 se tmur lejn Santa Luċija u Birżebbuġa, u tgħaddi mill-Gudja u Ħal Għaxaq. Il-passiġġieri jistgħu wkoll jużaw l-S85, li tgħaqqad lil Ħal Tarxien, Marsaxlokk, iż-Żejtun u Montebello, jew ir-rotot S90 u S94, li se jipprovdu trasport lejn Raħal Ġdid, il-Fgura, Marsaskala, u x-Xgħajra.
Dawn is-servizzi speċjali huma parti mill-inizjattiva tat-trasport pubbliku b’xejn, li jħeġġu aktar nies jivvjaġġaw bil-karozzi tal-linja. Dawk li għandhom Tallinja Card personalizzata valida jistgħu jivvjaġġaw mingħajr ħlas, filwaqt li passiġġieri mingħajr card valida jistgħu jixtru biljetti bi prezz ta’ €3 mill-magni tal-biljetti abbord il-karozza tal-linja.
Għal aktar dettalji, il-passiġġieri huma mħeġġa jżuru l-websajt tal-Malta Public Transport: https://www.publictransport.com.mt/en/news-details/special-services-notte-bianca-2024