Għadna fil-bidu ta' Jannar u l-festival tant maħbub mal-Maltin isir f'Mejju, iżda d-djar tal-imħatri dawk magħrufa li joħorġu l-famużi betting odds jidhru fiduċċjużi li pajjiżna għandu ċans li jmur tajjeb fil-Eurovision Song Contest ta' din is-sena.

Il-probabbiltà hi li minħabba li pajjiżna s-sena li għaddiet kellu riżultat diċenti, fejn il-kantanta Maltija waslet sal-finali u spiċċat fl-14-il post! Michela permezz ta' Chameleon kienet waħda mill-aktar għaxar kanzunetta li ndaqqu mill-Eurovision Song Contest fl-2019. Dan kollu jawgura tajjeb għas-sena 2020.

Żgur mhux forsi, li l-fatt li l-finalisti Maltin huma magħrufa jgħin f'dan il-fatt! Il-bookmakers jafu li Malta ħa tkun irrappreżentata b'kantanta, kantant jew grupp ta' talent! Il-fatt li fil-lista tal-parteċipanti hemm rebbieħa tal-Junior Eurovision Song Contest u numru ta' kontestanti li sabu ruħhom fuq il-paġna ta' X Factor Global żgur li tgħin.

Skont id-djar tal-imħatri, Malta tinsab fit-tmien pożizzjoni, kif tistgħu taraw HAWN. Ovvjament dawn mistennija jinbidlu ladarba jibdew jitħabbru l-kanzunetti li ħa jirrapreżentaw lil pajjiżi. S'issa l-unika kanzunetta magħżula hija dik tal-Albanija. Minn nhar il-Ħadd tibda t-tellieqa fuq X Factor Malta biex fit-8 ta' Frar, insiru nafu min ħa jtajjar il-bandiera Maltija.


Emil Calleja Bayliss