Il-Gżejjer Maltin għandhom l-inqas numru ta’ każijiet attivi mill-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea skont iċ-ċifri ppubblikati mill-Worldometer. Dan wasal hekk kif ilbieraħ Malta ma rreġistrat l-ebda każ għat-tielet jum konsekuttiv. Jidher li llum għandna wkoll nistennew li jkollna r-raba’ jum b'ebda każ.

Ritratt: Worldometer - 7 ta' Lulju fl-11:00

S'issa għandna 11-il persuna biss attivi għall-Coronavirus, dan ifisser li Malta għandha l-inqas numru ta' każijiet attivi ta' mill-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea. Malta hija segwita mill-Estonja bi 46 każ attiv u l-Latvja b'96 każ attiv skont is-sit Worldometer fejn wieħed isib statistika b'figuri realtime.

Madankollu, skont analiżi li saret minn Times of Malta li tat ħarsa lejn in-numru ta’ każijiet attivi għal kull 500,000 persuna, Malta wkoll tibqa' fl-ewwel post bi 12-il każ attiv, segwita mill-Estonja b'19 u l-Finlandja b'20.

Meta wieħed iħares lejn l-Ewropa b'mod ġenerali, Malta tinsab fid-disa' post, minħabba li qed tiġi megħluba minn pajjiżi iżgħar fosthom San Marino (0 attiv), l-Isle of Man (0 attiv), Il-Vatikan (0 attiv), Il-Gżejjer Faeroe (1 attiv), Liechtenstein (2 attivi), l-Andorra (3 attivi), Il-Ġibiltà (3 attivi) u l-Monako (9 attivi).

Facebook / European Union


Emil Calleja Bayliss