Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom fuq Facebook, Maltese Islands Weather qasmu mas-segwaċi tagħhom ftit informazzjoni interessanti.

Bdew billi qalu, “Kif ninterpretaw l-istampi tas-satellita infrared? L-interpretazzjoni tal-istampi tas-satellita infrared huma bbażati fuq l-informazzjoni mogħtija minnhom rigward temperatura. Din timxi fuq dik l-imsejħa 'grayscale values', iġifieri fuq kemm jidhru griżi partijiet differenti mill-istampa. Oġġetti kesħin jidhru bojod. Inħawi sħan jidhru suwed. Sħab ta' livell għoli bħal cirrus jew sistemi konvettivi, li nsibu f'qalb maltempati bir-ragħad, jidhru bojod. Dan minħabba li sħab ta' dan it-tip jestendi sa' livelli għoljin ta' l-atmosfera u għalhekk ikunu aktar kesħin. Sħab ta' livell baxx bħal cumulus, stratus jew anke irqajja ta' ċpar jidhru griżi.”

Żiedu, “Dan minħabba li dan is-sħab huwa limitat għal livelli baxxa u għalhekk it-temperatura tiegħu tkun ogħla. Mal-jum, ix-xemx issaħħan l-art, u għalhekk il-kulur ta' wiċċ id-dinja jiskura aktar ma' jgħaddi l-ħin. Kemm ikunu skuri l-ibħra u oċeani jiddependi fuq it-temperatura fil-wiċċ tagħhom. Ibħra bħal Mediterran jidhru aktar skuri mill-Atlantiku peress li huma aktar sħan. Il-vantaġġ ta' stampi tas-satellita infrared huwa li jittieħdu 24/7. Ritratti tas-satellita viżibbli jidhru biss fis-siegħat bid-dawl.”


Charlton Cefai