Madonna se tkun qed taqta’ xewqa tal-fans tagħha li ilhom jistennew bil-ħerqa l-14-il album tagħha. Il-kantanta ta’ 60 sena li għadha tgawdi popolarità kbira madwar id-dinja kellha toħroġ dan l-album tant mistenni fis-sena li għaddiet iżda wara ħabbret li mexxiet dan il-proġett mużikali għall-2019.

Madame X hu l-isem tal-album il-ġdid, li se jkun qed isegwi Rebel Heart li l-kantanta kienet ħarġet fl-2015. Madonna tħobb tesplora diversi ideat u taddatta skont iż-żmien li tkun fih. Dan l-album kien pjanat biex joħroġ fis-sena li għaddiet iżda hi ffukkat l-enerġija tagħha fuq linja ta’ prodotti ta’ sbuħija u għall-kura tal-ġilda li nediet fis-suq. Fl-istess waqt, s-sena l-oħra hi bdiet tgħix fil-Portugall fejn ukoll bdiet tappoġġja lil binha addottiv David Banda li ngħaqad ma’ tim tal-futbol hemmhekk. Hu qed jittama li jkollu karriera fis-snin li ġejjin bħala plejer professjonali.

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet rajnieha fil-Eurovision Song Contest u żgur li f’dawn il-jiem Madonna se tkun qed tħejji għat-tnedija ta’ dan l-album li mistenni joħroġ fl-14 ta’ Ġunju. F’intervista ma’ Vogue Italia ftit ġimgħat ilu żvelat li kkollaborat ma’ diversi mużiċisti mimlija talent li kellha x-xprti li tiltaqa’ magħhom fl-aħħar xhur. Iddikjarat li l-Portugall, fejn illum hija qiegħda tgħix, kien ta’ ispirazzjoni għall-mużika ġdida tagħha li qed tippjana li tippreżenta lill-pubbliku matul din is-sena.

Fl-2018 Madonna kkollaborat fuq is-silta God Is A Woman ta’ Ariana Grande, li kienet qalet f’intervista ma’ Jimmy Fallon waqt il-programm The Tonight Show li mingħajr Madonna qatt ma setgħet toħroġ silta bħal din. Il-kantanta ma qagħditx lura milli tikkritika l-mużika tal-lum li hija ddeskriviet bħala waħda li tinstema’ kollha l-istess, madanakollu kompliet titkellem kif fil-Portugall skopriet kultura mużikali ġdida li hi se tkun qed taqsam mas-segwaċi tagħha matul din is-sena. Madonna hija magħrufa li tagħmel ukoll tour dinji wara l-ħruġ ta’ kull album, għalkemm s’issa ma ħarġu l-ebda aħbarijiet uffiċjali dwar pjan min-naħa tal-kantanta li tipprepara għal xi serje ta’ kunċerti.

L-ewwel album ta’ Madonna, li kien iġib isimha, jmur lura għall-1983. B’kollox s’issa ħarġet 13-il album, kif ukoll tlett albums soundtrack Who’s That Girl, I’m Breathless mill-film Dick Tracy, u Evita. Ħarġet ukoll ħames albums rikordjati live u six compilation albums. L-ewwel snin tagħha fix-xena mużikali kienu b’saħħithom ferm bl-aktar albums ta’ suċċess bla dubju jkunu Like A Virgin (1984),  True Blue (1986) u Like A Prayer (1989). Mil-live albums li ħarġet x’aktarx li huwa The Confessions Tour l-iktar wieħed li kellha bejgħ tiegħu madwar id-dinja.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

Instagram / @madonna


Frederick Zammit