Ilbieraħ kienet proprju l-aħħar darba li rajna l-episodji ta' Ulied il-Lejl fuq it-televiżjoni! Dan għaliex is-sensiela popolari waslet fi tmiemha. L-attriċi prinċipali ta' din is-sensiela, Chanelle Cardona tkellmet dwar l-esperjenza tagħha. Kien proprju d-debutt tagħha fuq it-televiżjoni u kienet esperjenza li biddlitilha ħajjitha.

Chanelle kitbet, "Ma tistax tgħaddi din il-ġurnata mingħajr ma nħossni xi ftit emozzjonata … it-tmiem tal-avventura li kellha tibdilli ħajti. Ġorġa tiegħi … nirringrazzjak talli tajtni l-ispazju nilbes iż-żarbun ta' tfajla tant ferrieħa, kuraġġuża u b'saħħitha. Grazzi ta' kemm tajt kuraġġ lili bħala Chanelle. Ġorġa ħabbet b'qalbha kollha lil Lippu u bis-saħħa ta' Ġorġa ltqajt mal-akbar ħabib tiegħi, ma' mħabbti Randell Pace."

Hi tkompli, "Grazzi ta' kemm kont ta' sapport kbir għalija matul din l-avventura kollha u ta' kemm għentni noħroġ il-potenzjal kollu tiegħi. Grazzi li ma nista' qatt nieqaf ngħidha lil Charles Stroud … nirrispettak u nammirak għal dejjem għażiż u grazzi tat-tagħlim kollu tiegħek, kemm f'din l-industrija kif ukoll pariri fuq il-ħajja. Grazzi wkoll lil Mariaelena Tanti Gregoraci u Tania Bartolo li flimkien ma' Charles emmintu fija u tajtuni dan iċ-ċans ta' darba f'ħajti."

Hi ttemm, "Grazzi u proset tmur lil sħabi l-kast u l-krew; magħkom iffurmajt ħbiberija li ħa nibqa' ngħożż għal ħajti kollha. Bħal familja Bugeja, sirna aħna wkoll familja. L-aħħar grazzi tmur għalikom it-telespettaturi. Ulied il-Lejl ma kien ikun xejn mingħajr l-imħabba u s-sapport tagħkom. Inħobbkom kollha u minn qalbi, grazzi."

Facebook / Chanelle Cardona


Emil Calleja Bayliss