Alana Bondin magħrufa l-aktar għaż-żfin u l-fotografija iżda aktar ma jmur aktar qed tkabbar l-udjenza ta’ followers fuq instagram. Il-karattru naturali ferrieħi tagħha żgur li jinżel għasel ma’ ħafna nies. Kif tarawha fuq il-mezzi soċjali, Alana hi fil-verità u dejjem b’xi praspura jew oħra. Barra li kull min jafha, jista’ jistqarr li fejn ikun hemm Alana jkun hemm ħafna storbju wkoll!

Aħna tkellimna magħha dwar is-sena 2020 u l-isfidi li kellha speċjalment il-fatt li kellha tħassar it-tieġ tagħha! Ix-xogħol ta’ Alana hu direttament man-nies allura kellha sfidi akbar quddiemha fl-2020. Sfidi li wħud minnha wkoll iltaqgħu magħhom ukoll!

X’kienet l-aqwa ħaġa li ġratlek tul is-sena 2020?

L-aqwa ħaġa li ġrat jew ħarġet mill-2020 huwa li kellna ħafna ċans inqattgħu ħin flimkien jien u Niki, li naħseb li l-anqas fi 11-il sena qatt ma qattajna daqshekk ħin flimkien ħabba l-lockdown parzjali u komplejt nikkonferma kemm nintilfu fuq affarijiet mhux importanti u kemm hi sabiħa s-sempliċità.

X’kienet l-aktar ħaġa ta’ sfida għalik fis-sena 2020? Għaliex?

Mhux diqa imma aktar ansjetà u inċertezza, bla dubju it-tieġ għall-fatt li tkun ilek tant u tant tipprepara u tfaddal għalih u jkollok tikkanċellah mhux darba imma darbtejn... u li ma stajtx ingawdi n-neputija kif xtaqt f’għeluq sninha f’Mejju.

Nafu kemm għandek għal qalbek xogħlok. Is-sena li għaddiet kienet differenti. Xi sfidi ltqajt magħhom fix-xogħol tiegħek?

Kienet diffiċli mmens għall-fatt illi ż-żewġ xogħlijiet tiegħi huma għal rasi jiġifieri kollox jiddependi minni u mix-xogħol. Kienet ta’ sfida kemm mentalment u finanzjarjament. 5 xhur magħluqa kerha però gawdejt hafna affarijiet u għamilt ħafna affarijiet li dejjem xtaqt nagħmel u qatt ma kelli ċans.

Kien hemm xi ħaġa li tista’ tgħid is-sena 2020 għallmitek li ħa ġġorrha miegħek?

L-2020 għallmitni kemm ġieli naħlu ħin fuq affarijiet mhux importanti u bla valur... u kemm għandna napprezzaw aktar kull mument li aħna mislufa... kemm u sabiħ li tkun kreattiv u tagħmel affarijiet li tħobb. Mhux dejjem iffukati biss fuq il-flus u x-xogħol.

Alana kurjużi ħafna u xtaqna nsaqsuk, bdejt tippjanaha it-tieġ jew ħa tistenna ftit ieħor sakemm tara li kollox sew?

Kif kulħadd jaf jien kaxxa tad-daqq u personali ma nixtieqx ili t-tieġ tiegħi jkun bilqiegħda għall-fatt li jien stess ma nafx noqgħod bilqiegħda... nixtieq li nkunu nistgħu ngawdu l-ġurnata kif tradizzonalment nafu t-tigijiet, fejn kulħadd allegruż u jgawdi l-ġurnata u nkun nista’ ngħannaq lil kulħadd miegħi. Għaġġla m’għandniex la ssapportejna lil xulxin 11-il sena nifilħu noqogħdu naqra oħra.

Alana tagħlaq billi tgħidilna, “minn qalbi nittama li kellkom Millied tajjeb u nawguralkom is-sena it-tajba lil kulħadd! Ejja ngħożżu din is-sena bħala tagħlima illi tippjana kemm tippjana dak li huwa imħejji għalina ma jħassru ħadd, u li fil-ħajja kollox jista’ jistenna. J’Alla kulħadd ikollu sena aħjar minn din li għaddiet mimlija saħħa, hena u paċi.


Emil Calleja Bayliss