Danica Muscat u Kapitlu 13 għadna qatt ma rajniehom jikkollaboraw flimkien fix-xena lokali, u lanqas waqt ebda festival. Waqt Mużika Mużika din ser tiġri għall-ewwel darba, hekk kif f’Marzu li ġej se jkunu qed jippreżentawlna l-kanzunetta tagħhom. L-artisti tkellmu ma' Gwida.mt dwar il-proċess biex waslu s'hawn flimkien.

Tkellimna mal-artisti dwar il-kollaborazzjoni tagħhom, fejn ġew emalgamati żewġ stili differenti l-aqwa mod. Danica u Joseph (Kapitlu13) flimkien qed jużaw din il-kollaborazzjoni biex jitrattaw temi attwali li jolqtu lil kulħadd b'xi mod jew ieħor fil-ħajja ta' kuljum.

Staqsejnihom x'wassal biex ħadmu flimkien. Danica tgħidilna li f'Joseph tara talent kbir, u jimpressjonaha kif, "fi ftit sekondi kapaċi jqabbel kliem li lanqas biss kont nobsor għandhom kliem jaqbel magħhom." 

gf

Kapitlu 13 iħoss li hemm ħafna kulur fil-lirika kantata minn Danica. Iżid jgħid li Danica għandha, "leħen li jġiegħlek tieqaf u tisimgħu, filwaqt li tifhem il-lirika kollha li tkun qiegħda tiġi kantanta, kważi kważi mitkellma."

Kif imorru flimkien ż-żewġ artisti minkejja d-differenzi fl-istil mużikali u fil-karattru? "Ara jiena t-tip ta’ persuna li nħobb inkun riservata sakemm nidra 'l xi ħadd u Joseph jista’ jgħidlek li l-ewwel darba li ltqajna għand Cyprian, bilkemm għidt kelma."

"Ma nistax ngħid li l-karattri tagħna mhux differenti għax inkun qiegħda nigdeb imma llum il-ġurnata, inħoss in-nuqqas tiegħu meta ma jkunx miegħi, speċjalment f’xi episodju minn din l-avventura." Minkejja li Danica tgħid li hi persuna riservata, illum il-ġurnata hemm ħbiberija soda bejniethom.

"Għalkemm ma kienx preżenti fl-ewwel edizzjoni ta’ Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija, l-istil rap huwa parti mix-xena tal-mużika lokali, u nieħu gost li permezz tal-kanzunetta Ossiġnu, jiena u Danica ressaqsnieh lejn it-tieni edizzjoni."

L-istil rap ta' Joseph(Kapitlu 13) u l-istil ta' Danica irnexxielhom jagħtu prodott li ż-żewġ artisti huma kunfidenti bih. "Aħna nemmnu bi sħiħ fil-kanzunetta u nittama li dan l-istil jintgħoġob min-nies li ħa jkunu qegħdin isegwu l-festival. Il-bqija, inħallu f’idejn Alla."

ritmu

Tkellimna ma' Joseph dwar il-kollaborazzjonijiet li jkollhom Kapitlu 13 ma' kantanti diversi. Staqsejnieh jekk tagħmilx differenza xi stil ikollhom il-kantanti, meta jiġu biex jagħżlu li jikkollaboraw magħhom.   

"Irrispettivament mill-istil, ma nħossx li tagħmel differenza, naħdem ma’ min naħdem għas-sempliċi raġuni li naħdem m’artist wara li nkun smajt x’jista’ joffri lil dawk li jkun qiegħed jisma’... nista’ nassigurakom li minn kull wieħed u waħda minnhom titgħallem xi ħaġa differenti."

Ma' Danica u Joseph (Kapitlu 13) staqsejna wkoll dwar kif oriġinat u ġiet ispirata l-kanzunetta tagħhom Ossiġnu. "Hija ispirata mill-ħajja ta’ kuljum. Fi kliem l-awturi, 'l-Ossiġnu qiegħed f’kull ħaġa li nagħmlu f’ħajjitna. Hu jagħtina n-nifs, jagħtina l-ħajja. Meta dan jibda jonqos jew saħansitra ma jibqax hemm, l-affarijiet jinbidlu.'"

Joseph jgħid, "Meta qrajt il-versi li ħarbex Emil, ħassejt li din hija t-tip ta’ kanzunetta li titratta dwar l-aktar affarijiet importanti fil-ħajja, u minn hemm ispirajt ruħi biex fil-versi tar-rap nesplora l-esperjenza tal-ħajja; fosthom it-twelid; l-imħabba u l-mewt." 

Dan l-artiklu ġie miġjub lilkom b'kollaborazzjoni ma' Festivals Malta.


Kyle Zarb