Pili Hussein kienet tfajla mit-Tanżanija. Missierha kellu 38 tifel u tifla minn sitt nisa differenti. Qatt ma kellha l-opportunità li tmur l-iskola u żewġuha ta’ età żgħira. Żewġha kien jabbuża minnha u meta l-vjolenza ggravat, Pili ma kellhiex għażla oħra għajr dik li taħrab. Waħedha u b’ta’ fuqha senduqha, it-tfajla bdiet tfittex ix-xogħol mat-Tanżanija kollha. Fl-aħħar waslet Merarani, post magħruf għall-minjieri u l-ħaġar prezzjuż imsejjaħ ‘Tanzanite’. Xtaqet taħdem, imma l-opportunità ta’ xogħol kienet miftuħha biss għall-irġiel.
Għalhekk, Pili kellha tieħu deċiżjoni drastika – dik li tibdel l-apparenza tagħha għal waħda ta’ raġel. U hekk Pili, taħt l-isem ta’ ‘Uncle Hussein’, bdiet taħdem fil-minjieri. Xogħlha kienet tagħmlu sew u kienet magħrufa sew fis-sejbien ta’ minerali rari. Għal snin twal ħadd ma ssuspetta xejn, sakemm jum wieħed ‘Uncle Hussein’ ġie akkużat li kkorrompa tifla żgħira. L-akkużi ma saru minn ħadd ħlief minn xi rġiel li jaħdmu fil-minjieri u li kienu huma stess li wettqu l-attakk fuq it-tifla. Pili ġiet arrestata u ma kellha ebda għażla ħlief li tinża’ ħwejjiġha u tikxef l-identità vera tagħha! Bla dubju Pili ġiet meħlusha immedjatament.
Illum il-ġurnata Pili m’għandhiex għalfejn taħbi aktar l-identità tagħha. Ix-xogħol iebes fil-minjieri għamilha sinjura u issa għandha l-kumpanija tagħha tal-minjieri li fiha jaħdmu aktar minn 70 ħaddiem u ħaddiema.
Bla dubju li inti li qed taqra tixtieq tgħin lil nisa bħal Pili mxerrdin mad-dinja kollha jgħixu ħajjithom b’dinjità u bla biża’ ta’ xejn. Missio Malta qed jagħmel ħiltu kollha sabiex isib sponsers Maltin u Għawdxin li lesti jgħinu lill-komunitjiet sħaħ ikollhom opportunità xieraq, fejn minbarra ilma nadif għax-xorb, jirċievu wkoll edukazzjoni, ikel u mediċina. Agħmel kuntatt magħna jekk tixtieq tgħin. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn ‘Facebook’ jew fuq 2123 6962.