M’hemmx limitu ta’ faqar u dan jieħu kwalunkwe forma. F’dan il-każ qiegħed jieħu l-forma ta’ ‘art maħtufa’ jew kif inhu magħruf aħjar, ‘land grabbing’. Il-ħtif tal-art huwa l-aħħar fenomenu tas-seklu 21. Għalkemm 60% tal-okkupazzjoni tal-art qiegħed fl-Afrika (32 miljun ettaru), dan il-fenomenu qiegħed jieħu dimensjoni dinjija. L-aktar partijiet affettwata huma dawk li d-dħul tagħhom jiddependi l-aktar mill-kultivazzjoni ta’ din l-art agrikola. Dawn, kontra qalbhom, iċedu l-artijiet fertili lill-investituri internazzjonali, gvernijiet u spekulaturi. Eżempju ta’ dan huwa l-Możambik.

 Il-proġett ‘Prosavana’ huwa eżempju wieħed ta’ dan. Dan il-proġett ta’ daqs enormi jinkludi fih 19-il distrett u 3 reġjuni differenti fejn joqogħdu mal-4 miljun persuna. Dawn aktarx li qegħdin jirriskjaw l-għajxien tagħhom billi jibdew jitħallsu b’pagi baxxi mogħtija lilhom minn dawn l-industriji multinazzjonali. Dan l-abbuż qiegħed kontinwament jiġi rrapurtat mill-assoċjazzjonijiet lokali kif ukoll mill-Knisja. Hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq 145 elf kilometru kwadru ta’ art. Ħafna abitanti qegħdin jiġu mġiegħla jitilqu mill-irħula tagħhom jew inkella jaċċettaw li jaħdmu b’paga miżera.

Ma ssir ebda tip ta’ esproprazzjoni għaliex fil-Możambik, is-sid tal-art huwa biss l-istat. Fil-fatt min ma jaċċettax il-kundizzjonijiet ta’ xogħol imposti fuq il-bdiewa jkollu bilfors jitlaq u jsib xogħol banda oħra. Dan qiegħed joħloq ħafna tensjoni fil-pajjiż. Dan għaliex l-abitanti huma foqra ħafna u 80% tal-popolazzjoni tgħix mill-agrikoltura. Fejn se tmur il-popolazzjoni li ma jaċċettawx dawn il-kundizzjonijiet miżeri ta’ xogħol? U x’ser ikun l-impatt ambjentali ta’ dawn il-proġetti enormi? Dawn huma kollha kwistjonijiet miftuħa.

Il-Możambik huwa wieħed minn dawk il-pajjiżi li juri ħafna wċuħ. Min-naħa waħda juri tkabbir ekonomiku ta’ madwar 7-8% u min-naħa l-oħra dan ma jirriflettix fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-abitanti. Fil-fatt, f’dawn l-aħħar 10 snin, in-nies foqra żdiedu b’2 miljuni. Il-pajjiż mhux kapaċi jżomm il-ġid iġġenerat minnu għaliex huwa kkontrollat minn pajjiżi barranin, filwaqt li l-popolazzjoni tibqa’ tiftaqar. Dan jgħodd ukoll għall-esportazzjoni ta’ materja prima bħalma huwa l-faħam.

Id-diforestazzjoni hija wkoll problema li qiegħda tifni lill-Możambik. Ammont kbir ta’ siġar jiġu maqtugħa u esportati; 93% tagħhom lejn iċ-Ċina. Dawn il-fatti huma konsegwenza ċara tal-bniedem egoist li għadu jpoġġi l-ġid materjali fl-ewwel post f’ħajtu. Dan mhux biss ma jgħinx lill-proxxmu u l-ambjent li jgħix fih, imma talli jkażbru u jqiegħed lill-bniedem f’sitwazzjonijiet mill-agħar u jneħħilu d-dinjità li kull bniedem għandu dritt għaliha.

F’dan ir-rigward Papa Franġisku jgħid: ‘L-art tal-foqra fin-Nofsinhar tad-dinja hija sinjura, iżda l-aċċess għall-ġid li huwa neċessità ta’ kuljum huwa miċħud minn sistema ta’ rapporti kummerċjali jew ta’ propjeta strutturalment perversa.’

Permezz ta’ ħafna benefatturi Maltin u Għawdxin, Missio Malta fil-Belt u l-Mosta, qed jgħin persuni f’sitwazzjonijiet simili jgħixu ħajja aħjar, u jgħinhom iħarsu lejn il-futur b’tama ġdida. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn ‘Facebook’ jew fuq 2123 6962.


Gwida.mt