Il-kollettiv teatrali Ħassle Mejjet qiegħed fil-proċess li jħejji l-aktar produzzjoni riċenti tagħhom bl-isem ta’ Pandora. Bil-pinna ta’ Benjamin Abela, il-produzzjoni ta’ Brendon Thearle u l-immaniġġjar ta’ Gianluca Mifsud, Pandora jidher li se joffri spettaklu liema bħalu u żgur ta’ min iżomm għajnejh fuqu.

Mattia Scicluna / Matthew Ben Attard

Aħna ngħaqadna mal-cast u l-crew ta’ din il-produzzjoni sabiex jaqsmu magħna l-esperjenza tagħhom fiha, kif ukoll joffrulna lenti fuq x’nistgħu nistennew. Il-cast huwa kompost minn Leah Rianne Muscat fir-rwol titulari, kif ukoll James Azzopardi Meli, Adam Ryan, Aidan Aquilina u Annalise Ebejer.

L-istorja ta’ Pandora ddur madwar dan il-persunaġġ eponimu, tfajla li qed tagħmel ħilitha ssib lilha nnifisha fost ħafna taħwid u ċirkostanzi mhux tas-soltu. Hija saret taf xi tfisser il-mewt ta’ età żgħira, u għal din ir-raġuni sikwit spiċċat tfendi għal rasha peress li kibret wisq kmieni. Però kollox jidher li se jinbidel issa, hekk kif tingħaqad fi ħdan grupp ta’ ħbieb li jridu jew ma jridux se jkunu qed jeħduha lil hinn mill-kumdità ta’ ħajjitha għal ġo dinja għalkollox differenti. Għalkemm din id-dinja miżgħuda b’affarijiet li mhix familjari magħhom bħall-alkoħol u d-droga, ir-relazzjoni tagħha mal-grupp mhux biss se tkun qed tgħinha ssir taf min veru hi, iżda wkoll tgħniha taffaċċja s-sigrieti misturin u moħbijin li għandha.

Mattia Scicluna

“M’hemm xejn iktar sodisfaċenti milli tara idea li bdiet bħala sempliċiment taħżiża fuq karta ssir spettaklu teatrali. Il-kitba ta’ dan l-iskritt ma kinitx biċċa xogħol faċli, però hekk kif qed nara l-atturi jagħtu lil dawn il-karattri ħajja, nista’ faċilment ngħid li x-xogħol ta’ dan l-aħħar xhur qed jissarraf.” – Benjamin Abela.

“Dan il-vjaġġ huwa rollercoaster emozzjonali u hekk se jibqa’ sakemm jintemm, però huwa wkoll vjaġġ ta’ tagħlim fl-iżvilupp tat-teatru għaż-żgħażagħ miż-żgħażagħ. Ninsab kburi u ferħan bil-fatt li qed nara dan il-cast u t-tim jikbru flimkien. u jiżviluppaw biex il-ġrajja ta' Pandora tiġi fis-seħħ.” – Brendon Thearle.

Mattia Scicluna

“L-għan tagħna dejjem kien biex nuru li anke artisti żgħażagħ jistgħu jikkreaw xogħol interessanti u impattiv, jekk ikunu lesti biex jagħmlu l-almu tagħhom u għalhekk naħseb li din il-produzzjoni hija eżempju ċar ta' dan, kunċett li jista' juri l-komunità tat- teatru Malti kemm iż-żgħażagħ lesti jistinkaw għal-arti tagħhom.” – Gianluca Mifsud.

“Bħala atturi verament naħdmu tajjeb flimkien: il-chemistry qiegħda hemm, u wisq nieħdu gost flimkien! Ġenwinament ma nistax nistenna sakemm Pandora tkun fuq il-palk u naqsam din l- esperjenza ma' ħaddieħor.” – Annalise Ebejer

Mattia Scicluna

Peress li m'ilux kelli 17, ħafna mit-temi tal-iscript nista' nifhimhom sew, però Ħassle Mejjet qed jipprovaw jagħmlu aktar minn hekk; kif inti stess tista’ tissieħeb mal-karattru. Huma qed jipprovaw juru kif aħna nistgħu nuru d-differenza bejna u bejn ir-rwol tagħna fuq il-palk: b'hekk aħna noħorġu mill-kumdità tas-soltu u nibdew nesprolaw. Dan hu li jagħmel Pandora unika u li tiġbed l-għajn. – Leah Rianne Muscat.

Pandora huwa produzzjoni bilingwi u se jkun qiegħed jittella’ mit-18 sal-20 ta’ Ottubru ġewwa l-Istudio Theatra tat-Teatru Manoel. Agħfsu hawnhekk sabiex taqtgħu l-biljetti.

Mattia Scicluna


Kurt Gabriel Meli