It-Tnejn filgħaxija daret l-aħbar li Inez Galea, ta’ 95 sena, inqatlet b’mod orribbli fid-dar tal-Imsida wara li ġiet attakkata mill-pit bulls tan-neputi tagħha. Island Sanctuary tkellem dwar l-inċident u t-trattament u l-perċezzjoni ta’ klieb bħal dawn.

“L-inċident tal-bieraħ li kien jinvolvi lis-Sinjura Galea u lil chihuahua tagħha - li t-tnejn tilfu ħajjithom wara li sfaw attakkati minn żewġ pit bulls - ħalliena skantati! Jiddispjaċina kemm għas-Sinjura Galea kif ukoll għall-kelb tagħha ... hu mod terribbli kif tmut!” jaqsmu f'post fuq Facebook.

"Madankollu, l-esperjenza tgħallimna li m'hemmx klieb intrinsikament ħżiena - imma hemm ħafna sidien ħżiena!" ikomplu, waqt li jinnotaw li kollox jiddependi fuq it-tip ta' sid li l-klieb huma mdorrijin bih. "Filwaqt li aħna m'aħniex verament f'pożizzjoni li niġġudikaw, aħna nikkunsidraw il-pit bulls bħala vittmi wkoll ... ilmenti u rapporti saru minn ġirien li jimpurtahom - imma milli jidher ma ttieħdu l-ebda passi."

"Jidher li l-klieb ma kinux eżattament ikkurati tajjeb ... wieħed jittama li l-boton li pproduċew kellhom xorti aħjar man-nies li adottawhom. Sinċerament nittamaw li l-klieb involuti ma jinqatlux, iżda jingħataw l-opportunità li jiġu riabilitati u li jkollhom dar deċenti - wara kollox, anke l-kriminali jingħataw it-tieni ċans!"

Ħafna nies li jħobbu l-annimali, u sidien tal-klieb marru jikkummentaw fis-sezzjoni tal-kummenti, b'ħafna jaqblu li l-klieb m'għandhomx jinqatlu. Kien hemm min saħaq li l-klieb ħa jiġu kkastigati b'ħajjiethom għax kellhom sid ħażin, "Il-klieb se jieħdu t-tort fl-aħħar u jħallsu l-prezz," qal ieħor.


Emil Calleja Bayliss