Ilbieraħ filgħaxija, kellna ċ-ċans li nattendu għall-ewwel rappreżentazzjoni ta' Lupu/Nagħġa mtellgħa minn Teatru Malta flimkien ma' Dù Theatre u jkollna ngħidu li ħriġna minn hemm nirriflettu dwar ħajjitna, is-sitwazzjonijiet li ngħaddu minnhom, dak li qed jiġri madwarna u jekk niddentifikawx iżjed mal-lupu, jew man-nagħġa jew inkella aħniex xi annimal ieħor li jaqa' bejn dawn iż-żewġ estremi.

Għal darb'oħra Teatru Malta, din id-darba flimkien ma' Dù Theatre, tellgħu rappreżentazjoni għal poplu dwar il-poplu. It-teatru hu tan-nies u biex jagħmel suċċess għandu jkun tan-nies. Kultant fil-ħajja tagħna nħarsu wisq lejn in-nies li għandhom poter, inħarsu lejn dawk li f'għajnejna huma aħjar minnha iżda donnu ninsew inħarsu ftit madwarna u naraw x'realtajiet qed ngħixu. X'realtajiet għaddejjin minnhom.

L-awtriċi ta' Lupu/Nagħġa, Simone Spiteri, ċertament li għamlet biċċa xogħol mill-aqwa b'wieħed mill-aqwa gruppi ta' atturi li rajna fi spettaklu wieħed biex waslet dan id-dramm kontemporanju. Id-dramm jagħti ħarsa lejn numru ta' kuntrasti bir-rappreżentazzjoni tad-dawl u d-dlam prominenti waqt l-ispettaklu. Inħarsu lejn nfusna u lejn in-nies li nafu, u naraw ukoll kif hemm diversi affarijiet madwarna li nagħżlu li ma narawx minkejja li jkunu hemm u ħaddieħor jarahom.

Dramm li dam jitħejja tul l-aħħar sena. Simone Spiteri, l-awtriċi ta' dan id-dramm tistqarr li l-kitba nnifisha ma tantx ħaditilha xogħol, iżda r-riċerka u l-attenzjoni għad-dettalji żgħar biex toħloq rappreżentazzjoni b'saħħitha ħadet madwar sena. Tajjeb li ngħidu li dan huwa proġett kummisjoni ta’ Teatru Malta għal Pipelines, proġett tal-European Theatre Convention b’kollaborazzjoni ma’ Dù Theatre, u appoġġjat mill-Kunsill Malti għall-Arti.

Proġett li għalih Simone ltaqgħet ma' erba' awturi oħra li lkoll ħolqu rappreżentazzjonijiet relatati mal-pajjiżi tagħhom, iżda waqt Taħdita Teatru Simone Spiteri tistqarr li kienet ta' sodifazzjoni u fl-istess ħin kemxejn ta' niket li t-temi u l-ħsibijiet li kellhom l-awturi kollha, kellhom qofol simili. Lupu/Nagħġa josserva l-karattri tipiċi li jsawru s-soċjetà Maltija u r-relazzjonji ta’ bejniethom.

Tista' tgħid li waqt li qed isegwi l-ispettaklu ħa tiddentifika ma' xi karattru minnhom, jew ħa tara lilek innifsek f'karattri differenti iżda mhux biss, ħa tara n-nies li jaħdmu miegħek, familjari jew ħbieb tiegħu u saħansitra l-ġirien tiegħek. Dan kollu mwassal lilek b'kast mill-aqwa, bi Kristjana Casha fil-parti prinċipali. Parti li tgħaqqad l-istorja f'daqqa u tagħti dawl lil diversi sitwazzjonijiet fis-soċjetà tagħna.

Fadal proprju l-aħħar ftit biljetti għal din ir-rappreżentazzjoni u nħeġġukom ma ddumux ma taqgħtu għax kif ġara bl-aħħar rappreżentazzjonijiet ta' Teatru Malta, il-kelma malajr tiġri u l-ftit biljetti li jkun għad fadal jinħatfu. Lupu/Nagħġa qed tittella' fil-Valletta Campus Theatre, għal aktar dettalji idħlu HAWN.


Emil Calleja Bayliss