F’temp qasir minn mindu rajnieh fil-kompetizzjoni televiżiva X Factor Malta, Luke Chappell ġibed l-ammirazzjoni ta’ bosta żgħażagħ. Il-mużika tiegħu ntgħoġbot sew u issa qed iħejji biex dalwaqt jippreżenta l-ewwel album mużikali tiegħu, Cosmic Heaven. Luke jiftaħ qalbu magħna dwar kif iħoss li jista’ jesprimi ruħu aħjar permezz tal-mużika filwaqt li jitkellem ukoll dwar is-sehem tiegħu fil-programm X Factor u x’nistennew mingħandu fiż-żmien li ġej.

Luke, bħalissa qed taħdem fuq l-ewwel album tiegħek bl-isem ta’ Cosmic Heaven. Għaliex Cosmic Heaven?

Semmejt l-album Cosmic Heaven għaliex l-album jikkonsisti f’ħafna materjal bi stejjer tal-passat tiegħi u kif ukoll tal-preżent. B’hekk dawn il-ġrajjiet kollha li ktibt fuqhom jien matul din is-sena spiċċat biex twassalni biex niġi fid-dubju għal ħafna affarijiet, fosthom fil-ħajja ta wara ta’ din l-art u min-nies li kienu ikunu fic-cirku ta’madwari fil-passat. B’hekk Cosmic tfisser xiħaġa ta’ fantażma, li tista’tkun vera, jew kif ukoll xiħaġa li l-moħħ jivvinta biex il-bniedem iħossu sigur li hemm xi ħaġ’oħra wara hawnhekk.

U Heaven ovvjament tfisser ġenna, li mhux bilfors dik li naraw fil-Bibbja iżda dik li aħna nistennew wara l-mewt tagħna, xiħaġa sabiħa. Għalkemm dan kollu jirrelata mal-album tiegħi, il-materjal miktub fl-album mhux diski reliġjużi jew ibbażat fuq dak għaliex ktibt ħafna diski fil-perspettiva għan-nies biex jirrelataw miegħi u b’hekk forsi jkun hemm min mhuwiex Kristjan u allura b’hekk kulħadd ikun jista’ jisma’ d-diski tiegħi mingħajr ma jittikkjawni bħala xi Christian Singer għaliex dan m’huwiex l-iskop.

Xi jfisser għalik dan l-album u x’materjal se nkunu qed nistennew?

Dan l-album ifisser ħafna għalija għaliex hemm bosta materjal li jikkonsisti f’mumenti ta’ toqol li kont ħassejt fil-passat tiegħi. Kull diska tgħid storja individwali kif ukoll differenti. Mumenti ta’ toqol fil-familja, mumenti ta’ divertiment mal-ħbieb u hemm minnhom b’ġenru differenti minn xulxin. Hemm diski rap u RnB, hemm minnhom ftit iktar slow u hemm minnhom Indie Alternative. B’hekk kulħadd għandu minn fejn jagħżel minn dan l-album. Għalhekk jistgħu jisimgħu dawk id-diski li tixtieq qalbhom.

Ftit ilu ħriġt ukoll l-ewwel single tiegħek, Head In The Clouds, miktuba minnek stess u li se tkun ukoll inkluża fl-album. Kif oriġinat din il-kanzunetta u x’inhu l-messaġġ li trid twassal biha?

Din id-diska oriġinat l-ewwel bħala diska fuq il-kitarra. Kienet bażikament plain ħafna u sempliċi u bl-għajnuna tal-Muxu kif ukoll ta’ Peter Borg li huwa l-producer tiegħi, spiċċajna noħolqu diska li anke sal-lum il-ġurnata tibqa’ d-diska oriġinali favorita tiegħi li toħloq ġrajja sabiħa meta tisma’ l-melodiji ta’ vuċijiet flimkien.

Din id-diska fissret ħafna għalija għaliex ktibtha f’perjodu ta’ żmien fejn kont qed inħossni iżolat mill-bqija tan-nies li kienu madwari. Għalkemm kienu fiżikament ħdejja, xorta kont qed inħossni ’l bogħod minnhom. Id-diska titkellem f’iktar minn persuna waħda, iżda għaqqadt dawn in-nies kollha bħala persuna waħda fil-perspettiva tiegħi ħalli meta persuna tisma’ l-kliem tolqot kif ukoll lilu f’riflessjoni għall-ħajja personali tiegħu.

Il-messaġġ li xtaqt inwassal kien li għalkemm id-diska hi kemxejn sensittiva u bi kliem ta’ ċertu mod ta’ toqol, jien xtaqt inwassal il-messaġġ biex in-nies jieħdu l-pożittiv minnha u jużaw il-kliem fid-diska b’mod għalihom biex jirrelataw miegħi u jħossuhom aħjar. Iridu jittrasmettu l-uġigħ psikoloġiku għal xi ħaġa sabiħa billi ma jaqtgħux qalbhom.

Minkejja li ma wasaltx sal-finali, ħallejt impatt pożittiv kemm mal-ġurija kif ukoll mal-pubbliku fil-vjaġġ tiegħek f’X Factor. X’ġiegħlek tipparteċipa f’X Factor?

Onestament ma nafx iżda naf li meta nara l-artisti barra minn Malta fejn jaslu permezz ta’ dan il-programm, emmint li stajt nuri t-talent tiegħi lill-poplu Malti kif ukoll dawk li kienu qed jara il-programm barra minn Malta.

Il-ġenituri u l-familja kollha kienu warajja meta għażilt li nidħol u dik kienet barka enormi għalija għaliex is-sapport mingħand in-nies li nħobb hu xi ħaġa li jien kelli bżonn ħafna min-naħa tiegħi f’dak il-perjodu fil-karriera tal-mużika. F’kompetizzjoni daqshekk qawwija bejn nies ta’ talent kbir kienet ta’ ostaklu għalija iżda Alla tani d-don li nasal fejn kelli nasal u b’hekk kuntent ħafna.

L-ewwel audition tiegħek kienet waħda emozzjonali għaliex il-kanzunetta li pparteċipajt biha kienet waħda li ktibt int stess dwar esperjenza personali tiegħek. Inkwetak xi ftit il-fatt li kien hemm aktar riskju minħabba l-fatt li kienet kanzunetta mhux magħrufa mal-ġurija?

Naħseb li kienet riskju iżda l-fatt li d-diska kienet oriġinali tiegħi u xi ħaġa li ktibt jien, kienet sinjal li stajt nuri dak li kapaċi nagħmel bħala artist kif ukoll kittieb tal-mużika tiegħi. Naħseb li kienet għażla tajba li mort b’diska li l-ġurija ma kinux jafuni biha. Iżda ħassejt li kienet xi ħaġa li kelli bżonn nagħmel biex in-nies ikunu jafu li nikteb il-materjal tiegħi wkoll.

Inkun korretta jekk ngħidlek li X Factor fetaħlek bibien ġodda? F’dawn l-aħħar xhur ġejt mistieden f’diversi avvenimenti mużikali. Kif tħossok dwar dan?

L-X Factor fetaħli ħafna bibien ġodda u permezz tal-programm iltqajt ma’ ħafna nies professjonali fl-industrija tal-mużika. Issa qed naħdem ma’ ħafna nies li meta kont ta’ età żgħira kont nammirahom għax-xogħol tagħhom. Ġejt mistieden ukoll f’diversi avvenimenti, l-iktar f’dawk li fejn ikun hemm ħafna żgħażagħ tal-età tiegħi kif ukoll bl-istess stil ta’ mużika li nħobb nisma’ jien. Nħossni kuntent ħafna b’dawn il-bibien ġodda li nfetħu fil-karriera tiegħi.

Sodisfatt bir-rispons tal-pubbliku lejn il-mużika tiegħek?

Jiena bħala persuna nħoss li qatt ma nkun sodisfatt għaliex dejjem nimmira li nolqot iktar nies li japprezzaw l-arti tal-mużika. Madankollu napprezza lil dawk li seġwewni matul il-ġrajja tiegħi kif ukoll dawk in-nies li kienu hemm mill-bidu tal- karriera tiegħi. Mingħajr dawk li japprezzaw il-mużika tiegħi probabbli m’iniex hawn illum u qed nagħmel dak li qed nagħmel. Imma nħoss li hemm iktar xogħol minn naħa tiegħi xi jsir biex nolqol iktar nies bil-mużika tiegħi.

Hija evidenti li għandek passjoni kbira lejn il-mużika. Kif nibtet din il-passjoni?

Din bdiet min mindu kelli ħames snin, meta dejjem kont nara vidjows ta’ artisti bħal Queen u Micħeal Jackson u kont niġi spirat biex nagħmel dak li għamlu huma. Matul it-triq tiegħi kien hemm ħafna min ipprova jwaqqagħni, u jitmejjel bija, kemm l-iskola meta kont għadni żgħir meta kont insib xi grupp ta’ żgħażagħ li kienu xi erba’ snin ikbar minni u kienu jagħmlu minn kollox biex iwaqqgħuli wiċċi fl-art.

Għal xi żmien ma kinitx faċli għalija iżda qatt ma qtajt qalbi u bqajt nara dawk il-vidjos biex nħossni li stajt inkun l-istess persuna bħalhom. Kont naqra l-messaġġi tagħhom fuq il-midja soċjali tagħhom fejn jikbu li qatt m’għandek taqta’ qalbek. B’hekk għalkemm iffaċċjajt ħafna kumbattimenti li għadni nirċievi sal-lum xorta nibqa’ naħdem għal dik li nħobb, il-mużika.

Tħoss li l-mużika tgħinek tesprimi ruħek aħjar, partikolarment dwar dak li tkun għaddej minnu?

Iva, naħseb il-mużika tgħinni nesprimi ruħi b’iktar mod fluwenti. Naħseb li hi iktar diffiċli biex nesprimi ruħi meta nispjega bi kliem normali, u iktar faċli meta nkanta dak li qed inħoss b’forma ta’ melodija.

B’xi mod jew ieħor meta nikteb dak li nħoss f’forma ta’ mużika dejjem insib mod kif nesaġera dak li nħoss għaliex f’moħħi s-sitwazzjoni tkun agħar milli naħseb li tkun fir-realtà. Naħseb dik kulħadd jista’ jaqbel miegħi fuqha, għaliex kulħadd jaħseb li ċerti problemi huma kbar ħafna f’moħħna u meta nispjegawha verbalment naraw kemm tkun esaġerata għalina s-sitwazzjoni fil-ħsieb tal-moħħ. B’hekk il-mużika tkun sabiħa meta tiġi miktuba b’mod li n-nies jirrelataw magħha b’mod iktar faċli għaliex qed jisimgħu l-kliem ma’ melodija u f’moħħhom iqabblu dak li qed jisimgħu ma’ ġrajja fil-ħajja personali tagħhom. Dik hi s-sbuħija tal-mużika.

Fejn qed taspira li tasal mużikalment?

Jekk Alla jippermetti qed naħdem biex nasal f’livell internazzjonali. Iżda kollox jasal pass pass u b’ħidma serja.

’Il bogħod mill-mużika, x’inhu l-aktar importanti fil-ħajja tiegħek?

Il-familja hi l-aktar ħaġa importanti għalija. Naħseb l-imħabba bejn il-familja, għalkemm forsi tkun separata jew forsi bil-problemi tagħha. Jien nara li l-imħabba bejn persuna u oħra hi l-iktar ħaġa importanti għalija bħala uman. Li napprezza l-providenza kif ukoll is-sagrifiċċji li għamlu l-ġenituri tiegħi biex ġejt imrobbi għal persuna li jien illum. Dan hu don kbir għalija. Il-familja tiġi dejjem l-ewwel qabel kollox.

Kieku jkollok l-opportunità li tagħmel xi ħaġa li s’issa għadek qatt m’għamilt, xi tkun?

Nagħżel li nsiefer madwar id-dinja biex nieħu iktar esperjenza barra mil-lokalità tiegħi u barra mill-kumdità tiegħi. Naħseb li għad faddali ħafna x’nitgħallem min-nies fl-industrija internazzjonali tal-mużika.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

Gary Bugeja


Roberta Magri