Fl-1 t’Ottubru l-kantant żgħażugħ Luke Chappell ħareġ kanzunetta oriġinali tiegħu bl-isem ta’ Human. Filmat bi stil differenti mingħand Luke. Aħna ta’ Gwida staqsejna lil Luke fuq din il-kanzunetta u l-vidjow mużikali ġdid.

Ġieli ssemmi l-biża fil-music video. X'inhu l-aktar biża tiegħek?

L-akbar biża tiegħi hi li nitlef is-sabiħ kollhu min din l-esperjenza għaliex nkun wisq ifokkat fuq in-negattiv milli l-pożittiv tal-mużika u x’għandha toffri.

Kemm jaffetwawk l-esperjenzi personali?

L-esperjenzi personali jaffetwawni b’mod pożittiv fil-mużika, iżda b’mod diffiċli ħafna fil-ħajja personali tiegħi, fil-mużika, dak li nħoss nitfgħu kollu fil-lirika u fil-kitba. Ġieli nkun għaddej minn perjodu diffiċli ħafna allura jkolli bżonn naqra ħin sakemm nkun nista’ nikteb dak li nħoss, għaliex inkella nħossni li l-emozzjoni tegħleb bija.

Imma biex nkun kompletament onest, ġieli meta tiġrili ħaġa ta’ toqol għalija, ġieli ċertu kliem ma nkunx nista’ nesprimih, u nħoss li jkolli nisma’ mużika ta’ artist ieħor biex nħossni fil-paċi mas-sitwazzjoni.

X'ispirak tikteb din il-kanzunetta Human?

L-aktar li ispiratni biex nikteb Human kienet il-fatt li nħossni li ħafna mid-drabi, n-nies forsi jaħsbu li jien persuna li għadej minn ġranet sbieħ biss u ġrajjiet ta’ ferħ, iżda fil-verità ngħaddi minn sitwazzjonijiet fejn tkun ta’ tbatijja fil-ħajja personali tiegħi. Ħafna minn dawn il-mumenti nħossni iżolat ħafna u f’mumenti ta’ dlam. Iżda wara dan kollu jien uman bħal kullħadd, u ngħaddi minn mumenti ta’ tbattija bħal kullħadd.

X'fettillek biddilt il-kulur ta' xagħrek? X'qalulek in-nies?

Naħseb kelli bżonn bidla, għaliex fil-verità m'iniex l-istess żgħażugħ li kont meta kont f’X Factor. Naħseb li meta tkun f’din il-linja ta’ xogħol fil-mużika hemm is-sabiħ u l-ikrah tiegħu. B’hekk l-esperjenzi li għaddejt minnhom din is-sena mmaturawni għall-persuna li jien illum.

Dik hi l-bidla li ħassejt li kelli nagħmel. Tibdilha viżwali għall-publiku. Ħafna minn nies qalu li xeraqli u li nidher iktar matur, b’hekk naħseb li nista’ ngħid li rnexxieli nikseb dak li xtaqt bit-tibdila.

Take the pain and turn it to something beautiful. Temmen li f'kull esperjenza tista toħroġ xi ħaġa pożittiva?

Iva, nemmen li minn kull ħaġa, kull esperjenza, wieħed jista’ joħloq perspettiva pożittiva mill-istorja tiegħu/tagħha u joħloq motivazzjoni biex jgħeleb in-negattività.

X'messaġġ tixtieq tgħaddi?

Il-messaġġ li irrid ngħaddi hu li tħossokx waħdek. Ibqa’ iġġieled għal dak il-punt li trid tasal f’ħajtek u tħalli lil ħadd jidħol bejnek u bejn il-ħaġa li tħobb. Ħajja waħda għandek. Meta persuna tisma’ mużika waħida d-dar jew f’mument ta’ iżolament, dak il-mument ikun il-mument fejn qiegħed tiġġieled fis-skiet mal-istorja tagħha/tiegħu.

Meta tiġi tisma’ l-mużika ġo kunċerti, tkun qed tesperjenza dik l-istess mużika ma’ nies oħrajn li kienu qed jiġġieldu fil-mumenti diffiċli tagħhom. B’hekk toħloq mument ta’ mħabba ma' nies oħrajn u tiċċelebra il-pożittività tal-ħajja. Tiddejqux tiġu u tisimgħuni LIVE. Il-mużika tgħaqqadna flimkien.


Emil Calleja Bayliss