F’post riċenti li tella l-produttur Howard Keith fuq Facebook, esprima d-diżappunt tiegħu f’ċertu artisti li m’għandomx oriġinalita’ u minkejja dan, ikomplu jaħdmu fuq materjal ‘ġdid’ sfurzat fejn jikkupjaw ix-xogħol preċedenti ta’ kollegi tagħhom.
Howard beda billi qal:
Osservazzjoni żgħira. Qiegħed ninnota numru ta’ kanzunetti maħruġa lokalment mingħajr ebda personalita’. Diġa ħażin illi artist jirrepeti lilu nnifsu, jipprova jilħaq il-formola li tagħmel suċċess, jew li wieħed imur għall-produzzjoni tal-massa, iżda huwa vitali li wieħed ma jikkupjax xogħol ta’ kollegi tiegħu sempliċiment għax kien ta’ suċċess. Fejn hu s-sens ta' kburija, l-isfida u l-gost f’hekk?
Hu kompla:
Aħna ngħixu fuq gżira żgħira, għalekk ma nistax nifhem kif jista jkollna materjal kopja eżatti li jinstema’ u jidher bħal ta’ qablu. Wara li l-kumplimenti mill-ħbieb u familjari jisfumaw, ikollok taffaċja r-realta’ li l-kanzunetta ma ħalliet l-ebda effett fit-tul fuq l-udjenza u dak li jkun ġie kkreat fuq il-midja soċjali jkun biss ikkreat mill-artist innifsu f’delużjoni.
Fl-aħħar għalaq b’dan il-parir:
Ipprova kun differenti mill-kollegi tiegħek, kun parti mis-soluzzjoni mhux mill-problema.
Kliem kemmxejn ħorox mill-ġurat t’X Factor Malta. Howard jaħdem mal-akbar artisti tal-mument bħal Ira Losco, Owen Leuellen u Michela.
Tgħid għal min kien qed jirreferi Howard fil-post tiegħu?
Facebook / @XFactorMalta