F'dawn il-festi kellna ċ-ċans li nitkellmu ftit ma' Glen Vella sabiex jgħidilna ftit dwar is-sena mill-isbaħ li kellna u kif jgħaddi dawn l-iljieli li huma tant u tant importanti fil-kalendarju tagħna l-Maltin. Araw x'kellu x'jgħidilna Glen.

Glen, is-sena 2021 rat ir-ritorn tiegħek f’kompetizzjonijiet lokali. Mużika Mużika kien ta’ suċċess mill-isbaħ għalik - X’ħajrek li tipparteċipa?

Qatt ma bsart li ħa nieħu sehem! Meta tħabbret l-aħbar ħassejt ix-xewqa u kienu bosta li avviċinawni , bdejt nikteb kompożizzjonijiet lill-kantanti oħra, biss biex nieħu sehem jien ridt li nieħu sehem jekk ikolli il-kanzunetta li nħossni komdu nkanta, tkun personali u li għalkemm tista’ ma togħġob lil ħadd, l-importanti li togħġob ħafna lili!

Ħarsa Biss kienet dik li serqitli qalbi u wieġbet il-mistoqsijiet kollha. Dħalt għalih għax ħassejt in-nuqqas tal-kanzunetta Maltija li tant inħobb u bsart li ħa jkun suċċess. Inkun onest, ma dħaltx għall-kompetizzjoni, ridt nuża l-pjatttaforma sabiex iniedi kanzunetta ġdida fuq livell professjonali u nazzjonali.

Il-kanzunetta spiċċat il-kanzunetta li qed tindaqq f’ħafna tiġijiet, xi jfisser għalik li qed taqsam tant mumenti speċjali ma’ diversi koppji b’kanzunetta oriġinali tiegħek?

Unur kbir! Saret sinonima. Inħoss sodisfazzjon kbir ukoll mhux għax ikunu għażlu l-kanzunetta tiegħi biss, imma għax verament il-kanzunetta Maltija tiġi apprezzata. Kemm-il darba nħossni emozzjonat meta il-koppja jikkuntatjawni biex jiżfnu għal Ħarsa Biss u jkun aktar il-pjaċir tiegħi meta nkun preżenti u nkanta live lill-miżżewġin. Inħoss emozzjonijiet sbieħ ħafna.

Ġeneralment f’dawn iż-żminijiet int tkun impenjat b’diversi avvenimenti – tixtieq li tagħmel sena fejn tgawdi l-familjari u l-ħbieb f’dawn il-festi, inkluż proprju f’lejliet l-Ewwel tas-Sena?

Iva, inkun impenjat immens biss nieħu gost għax inferraħ lil ħaddieħor ukoll. Jiena il-Milied u lejlet il-Milied qatt ma naħdem għax inħoss u nkun kuntent li nkunu miġbura mal-familji tagħna. Mill-banda l-oħra, lejlet l-ewwel tas-sena nħobb ħafna li nkun fuq il-palk u nagħti pjaċir lill-udjenza fejn fosthom ħafna drabi ikun hemm il-familjari ukoll u niċċelebrawh flimkien.

Hemm xi kanzunetta li mill-ewwel tfakkrek fl-Ewwel tas-Sena u tieħu gost bil-kanzunetti ta’ dan il-perjodu tas-sena?

Bla dubju, Auld Lang Syne. Joġgħbuni l-kanzunetti ta’ dan il-perjodu avolja biċċiet minnhom mhux l-istill li nħobb nisma’ jien! Imma iva, inkun qed nistenniehom.

Glen wieħed li jemmen fir-resoluzzjoni u jekk temmen, hemm xi ħaġa li qed tippjana għal din is-sena?

Ma nemminx fir-resoluzzjonijiet! Pjuttost ninsiehom. Biss dejjem naħdem biex nipprova nkun persuna aħjar minn qatt qabel.

Messaġġ qasir lill-qarrejja ta’ Gwida.mt f’dan il-jum tal-Ewwel tas-Sena.

Nawgura minn qalbi l-isbah xewqat lill-qarrejja u nitlob dejjem għar-rispett lejn xulxin, imħabba u tolleranza. Sibu dak li jagħmilkom kuntenti għax b’hekk tistgħu tagħmlu lil ħaddiehor kuntent ukoll.


Emil Calleja Bayliss